Il-Gideb Joħroġni mill-Gwaj?


Fil-kexxun sibt komponiment ta’ żmien is-sixth form. It-titlu hu provokanti u jġegħlek taħseb: “Jekk il-gideb joħroġni mill-gwaj, għaliex għandi ngħid il-verità?”

Dak Iż-żmien kont ktibt hekk …

“Nigdeb biex noħrog mill-gwaj? Mhix idea tajba jew? Ġieli provajtha fil-prattika? Taħdem tafx! Min jaf kemm il-darba m’għamilx il-homework u b’naqra gidba ħlistha ħafif. Jew, kemm frankajt kastigi u trouble mal-ġenituri billi għawwiġt ftit il-verità jew waħħalt kollox f’oħti.

Jogħġobni dan il-ħsieb! L-importanti li nġawdi jien u ma nbatix konsegwenżi. Għaliex għandi ngħid lil barman li tani nofs lira bqija flok munita ta’ ħamsa u għoxrin ċenteżmu? Il-flus għandi fejn nonfoqhom. Għaliex għandi ngħid l-għalliem li dan l-essay għamiltu b’għajnuna ta’ ħabib tiegħi? Jagħtini aktar punti jekk ma ngħidlu xejn. Mhux punti għandi bżonn biex immur tajjeb u nitla’ għat-tieni sena?

Għada pitgħada meta nibda naħdem u ndaħħal il-paga, għaliex għandi niddikjara kull ċenteżmu fir-return ta’ l-income tax? Għaliex għandi nagħti flusi li nkun ħdimt u batejt għalihom lil gvern biex isiefru l-ministri jew jagħtihom lix-xjuħ u l-penzjonanti. Imorru jaħdmu jekk iridu! Jew meta niżżewweġ u jkolli l-mara, għaliex għandi noqgħod marbut magħha biss? Ngħidilha ‘Inħobbok qalbi, inti l-unika mara ta’ ħajti!’ Imbagħad minn wara daharha nkun nista’ ngawdi nisa oħra.

M’hemmx dubbju, hemm ħafna vantaġġi fil-gideb u ħafna żvantaggi fl-onestà. Naturalment f’dan kollu qed nassumi li l-Papa u Galileo kienu t-tnejn żbaljati. La x-xemx u lanqas id-dinja m’huma ċ-ċentru ta’ l-univers. Jien iċ-ċentru ta’ kollox. Kollox idur miegħi, għall-pjaċir u l-qadi tiegħi.

Qed nassumi wkoll li l-oħrajn m’għandhomx l-istess drittijiet bħali. Jien għandi jeddijiet uniċi. Ma jistgħux u ma rridhomx jagħmlu bħali. Ma rrid lil ħadd jidħak bija jew jigdibli. Ma rridx li oħti twaħħal fija. Ma rridx min iżommli żżejjed. Ma rridx it-tfajla tigdibli u tmur ma ġuvni ieħor.

Barra minn hekk, qed nassumi li l-leħen ħiemed f’qalbi hu frott it-trobbija stretta ta’ missieri u l-moralità medjevali li sqietni ommi minn ċkuniti. Meta nigdeb, il-kuxjenza qed tkun ħarxa wisq miegħi, u għalhekk nista’ ninjorha.

Imma forsi għandi żball. Forsi mhux jien iċ-ċentru tal-univers. Forsi m’inix l-Imperatur tad-dinja, u l-bnedmin l-oħra m’humiex l-iskjavi tiegħi. Forsi huma wkoll għandhom id-dritt għall-verità u għall-ferħ bħalma għandi jien. Forsi l-kuxjenza tiffunzjona tajjeb meta ċċanfarni tal-gideb. U forsi fuqna lkoll hemm xi Ħadd akbar minna li ħalaqna b’dan is-sens ta’ moralità.”

Il-komponiment li ktibt ħafna snin ilu għandni niktbu bl-għazliet li nagħmel ta’ kuljum - għażliet li juru jekk hux qiegħed ngħix fil-biża t’Alla jew jekk hux qed ngħix gidba.