1.10.18

Check-Up Spiritwali


Il-Mulej Ġesù hu l-aqwa tabib. Hu jagħmel dijanjosi korretta tal-qagħda ta’ ruħna u idejh ħanina jfejjquna mid-dnub.

Darba waħda Ġesù u d-dixxipli kienu mistiedna għal ikla għand wieħed pubblikan, Levi. Ir-reliġjużi ħadu għalihom. Mhux sewwa, bdew igergru mad-dixxipli, li tindieħsu ma’ nies midinbin! Huma, in-nies sewwa, żgur ma kienux se jiċċappsu ma’ nies ħżiena!

Għaliex aċċetta l-istedina Ġesù? Żgur mhux biex jissieħeb fid-dnubiet tagħhom! Ġesù kien qed jifraħ ma’ Levi fil-konverżjoni tiegħu. Ġesù ried iwassal messaġġ ta’ maħfra u ħniena lill-ħbieb u l-familjari ta’ Levi, sabiex huma wkoll jiksbu l-fejqan għal ruħhom.

Għalhekk Ġesù weġibhom: “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn ta’ tabib; iżda dawk li huma morda. Ma ġejtx insejjaħ in-nies sewwa, iżda l-midinbin għall-indiema” (ara Luqa 5:27-31).

Għal dan l-iskop ġie fostna l-Iben t’Alla. Ġie f’dinja marida biex jagħti l-fejqan. It-tgergir tar-reliġjużi ma kienx jagħmel sens. Forsi noffendu ruħna jekk naraw it-tabib l-isptar ħdejn il-pazjenti?

Ara huma, il-Fariżej, ma kellhom ebda ħeġġa biex ikunu ħdejn Ġesù. Kienu jippretendu li huma nies sewwa, li m’humiex midinbin bħall-oħrajn. Ma kienux iħossuhom morda, u kien jidhrilhom li ma kellhomx bżonn ta’ tabib.

Jaħasra! X’delużjoni! Il-kburija tagħhom għemithom għar-realtà ta’ dnubiethom. Kienu jixbħu raġel li għandu l-pressjoni għolja - għaddej bil-ħajja normali mingħajr ma jħoss xejn, bla ma jirrealizza kemm hu fil-periklu. Il-pressjoni għolja tissejjaħ ‘the silent killer’ – għax għalkemm il-pazjent ma jkollu ebda sintomi, il-ħsara tkun qiegħda ssir sakemm f’daqqa waħda tiġi r-rovina fuqu.

Ħabib, il-Mulej Ġesù jridek taħseb fuq il-qagħda spiritwali tiegħek. Forsi inti reliġjuż u tal-knisja. Forsi tqabbel lilek innifsek ma’ oħrajn u b’paragun inti tidher tajjeb. Imma quddiem Alla li jagħraf il-qalb u jaf ħajtek bħal ktieb miftuħ - quddiemu kif tidher? Hemm għerq ta’ dawn id-dnubiet fik?
  • Ipokreżija – tagħti l-impressjoni quddiem in-nies li inti tajjeb, imma fis-siġriet tagħmel mod ieħor. 
  • Żena – waqt li tikkundanna l-immoralità fis-soċjeta madwarna, fil-privat u f’qalbek inti wkoll żieni.
  • Indifferenza – meta tara xi ħadd fil-bżonn, taqsam għan-naħa l-oħra tat-triq, u b’xi skuża jew oħra tibqa għaddej.
  • Kburija – taħseb li inti xi ħaġa, u saħansitra li inti ġust quddiem Alla. 
Jekk xorta waħda tippretendi li, minkejja xi dgħufijiet żgħar, inti bniedem ġust u tajjeb, allura Kristu ma jiswielek xejn. Hu ma ġiex għal nies bħalek.

Imma jekk illum tirrealizza li inti midneb, u tibża’ li għada pitgħada ħtijietek se jirrovinawk, taqtax qalbek. Il-Mulej Ġesù ġie apposta għall-midinbin. B’indiema u fidi mur għandu. Mur għandu issa stess.