Meta jonqosni l-kuraġġ


X’jista’ jagħmlilna l-ħila fl-inċertezzi u l-isfidi li hemm quddiemna. Il-kuraġġ insibuh fil-Mulej Ġesù, kif nitgħallmu minn dan ir-rakkont fil-Vanġelu.

'Darba fost l-oħrajn tela' fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: ‘Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor tal-għadira.’ U qadfu 'l barra. Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, id-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f'qagħda mwiegħra. Għalhekk resqu lejh, qajjmuh u qalulu: ‘Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!’ Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma. U qal lid-dixxipli: ‘Fejn hi l-fidi tagħkom?’ Qabadhom il-biża', u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: ‘Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!’’ (Luqa 8:22-25).

Hi ħaġa naturali li nibżgħu meta nkunu mhedda minn forzi akbar minna. Hekk ġralhom id-dixxipli. Twerwru, avolja xi wħud minnhom kienu sajjieda ta’ esperjenza. Is-sens ta’ paniku jinstema’ fl-appell tagħhom, ‘Mgħallem, mgħallem, mitlufin aħna.’ Kienu qatgħu qalbhom; tilfu kull tama; naqsilhom il-kuraġġ. Anki aħna, xi darba jew oħra, ħassejna ruħna l-istess.

Din l-attitudni ma tagħmilx ġieħ lil Sidna. Jekk aħna dixxipli ta’ Ġesù Kristu, ir-rispons tagħna m’għandhux ikun ‘naturali.’ Infatti Ġesù jistaqsina, ‘Fejn hi l-fidi tagħkom?’ Qed inħarsu biss lejn ir-riħ? Lejn il-mewġ? Lejn l-ilma dieħel fid-dgħajsa? Insejna li fid-dgħajsa magħna hemm l-Imgħallem, is-Sid tas-sema u l-art?

Forsi twieġeb, ‘Iva, Ġesù qiegħed fid-dgħajsa, imma rieqed!’

Rieqed?! Mhux aħjar nistaqsu fejn hi l-fidi tagħna? Ma nafux li dan il-bniedem huwa l-Iben t’Alla, u li ‘hu qabel il-ħwejjeġ kollha, u bih il-ħwejjeġ kollha huma miżmumin flimkien’ (Kolossin 1:17)? Ma nafux li kull setgħa hi mogħtija lilu fis-sema u fl-art? (Mattew 28:18)? Ma nafux li hu ‘jżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu’ (Lhud 1:3)?

Ħbieb, matul ħajjitna ngħaddu minn mumenti u żminijiet diffiċli. Jekk inħarsu biss lejn iċ-ċirkostanzi mwiera u lejn id-dgħufija tagħna, se nitwerwru u naqtgħu qalbna. Jeħtieġ inkunu nies ta’ fidi. Jeħtieġ inħarsu lejn l-Imgħallem tagħna. Il-Mulej Ġesù huwa fil-kontroll perfett ta’ kollox. Hu qiegħed iżomm f'idejh mhux biss id-dgħajsa ċkejkna tagħna, imma l-baħar u d-dinja kollha. Ejjew nadurah u nafdaw fih.