6. Kollox Mitmum



Is-Seba' Kelmiet minn fuq is-Salib: Is-Sitt Kelma

Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: ‘Kollox hu mitmum!’ Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu (Ġwanni 19:30).

Ġesù għex ħajja perfetta, obda l-liġi t’Alla bla ebda nuqqas, wettaq il-ministeru tax-xandir tal-evanġelju, għamel is-sinjali mirakolużi, u fl-aħħar waslet ukoll is-siegħa meta minn jeddu offra ħajtu b’fidwa għal ħafna nies. Ftit mumenti qabel miet, il-Mulej Ġesù għajjat: ‘Kollox mitmum!’ X’ried ifisser b’din il-kelma? Mhux sempliċiment li l-ħajja tiegħu kienet waslet fi tmiemha. ‘Kollox mitmum’ hi għajta trijonfanti, bħal gwerrier li wara li jkun issielet, fl-aħħar jiddikjara, ‘Irbaħt!’ jew bħal dak li jixxabbat biex jilħaq il-quċċata tal-ogħla muntanja, u hemm fuq jgħajjat, ‘Wasalt,’ jew artist, li meta penġa l-isbaħ kapulavur tiegħu, jħares lejn il-pittura u jiddikjara, ‘Togħġobni!’ Hekk ukoll Kristu, wara li wettaq fis-sħiħ l-għan li għalih ġie fid-dinja, u għamel sal-aħħar ir-rieda tal-Missier li bagħtu, meta ra li kien wettaq kollox, Ġesù iddikjara, ‘Kollox mitmum!’ Kristu wettaq darba għal dejjem il-fidwa fdata lilu mill-Missier.

Semmagħlna l-eku tal-għajta trijonfanti tiegħek, Mulej! Inti wettaqt ir-rieda tal-Missier sal-aħħar nifs ta’ ħajtek. Kont ubbidjenti sal-mewt tas-salib, u b’hekk ksibt il-fidwa sħiħa tagħna li nemmnu fik. Mhux f’għemil idejna jew fit-tjieba tagħna, imma biss fik, Mulej Ġesù, u fis-sagrifiċċju perfett tiegħek, aħna nserrħu għall-maħfra u s-salvazzjoni ta’ ruħna. Ammen.