Il-mahfra tad-dnubiet



Din hi l-wegħda t'Alla għalina: "Dawk kollha li jemmnu fi Kristu jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom b’ismu" (Atti 10:43).

Id-dnub huwa l-ksur tal-Liġi t’Alla; għalhekk Alla biss jista’ jaħfru. Meta David dineb serjament, reġa’ sab il-paċi meta stqarr lil Alla. “Jien għidt, ‘Nistqarr ħtijieti lill-Mulej’; u int ħfirtli l-ħażen ta’ dnubi” (Salm 32:5).

It-tradizzjoni umana għawġet it-tagħlim tal-Bibbja fuq il-maħfra. Illum, il-qassis Kattoliku jgħid li għandu l-qawwa ta’ l-assuluzzjoni, jiġifieri li bħala mħallef jaħfer f’isem Alla. Meta kont żgħir għallmuni li Ġesù waqqaf is-sagrament tal-qrar meta qal lill-appostli: “Lil min taħfru d-dnubiet jinħafrulhom; u lil min iżżommuhom, jinżammu” (Ġwanni 20:23).

Jidher ċar li Ġesù tahom is-setgħa li jaħfru. Imma kif? Bil-konfessjonarju jew b’xi mod ieħor? L-Atti ta’ l-Appostli u l-bqija tat-Testment il-Ġdid ma jħalluna f’ebda dubju. Imkien ma naqraw li l-Appostli kienu jqaraw, jagħtu l-assuluzzjoni jew it-tewba. Huma pridkaw l-Evanġelju u ħeġġew lil kulħadd jindem u jemmen fi Kristu biex jiksbu l-maħfra. L-appostlu Pietru priedka li “dawk kollha li jemmnu fih jaqilghu l-maħfra ta’ dnubiethom b’ismu.” L-appostlu Pawlu jesprimi l-istess konvinzjoni: “Permezz ta’ dan il-bniedem, il-maħfra tad-dnubiet hi mxandra lilkom, u bih dawk kollha li jemmnu huma ġġustifikati’ (Atti 10:43; 13:38,39).

Jekk tixtieq il-maħfra, agħmel kif għallmu l-appostli ta’ Kristu: emmen fih!

L-Insara jqerru kuljum. Mhux għand saċerdot Kattoliku; din id-drawwa hi invenzjoni umana li nibtet ħafna sekli wara Kristu. Il-Mulej qalilna lil min għandna nitolbu l-maħfra: “Missierna li inti fis-smewwiet ... aħfrilna dnubietna.”

Fl-aħħarnett, hemm żball ieħor fit-tagħlim Kattoliku dwar il-maħfra. Jgħidu li Alla jaħfer nofs kedda għax ikun jonqos mill-bniedem li jwettaq il-penitenza biex jagħmel tajjeb għal ħtijietu. Saħansitra lil hinn mill-qabar, il-Kattoliċi jistennew li jitnaddfu minn dnubiethom fin-nar tal-Purgatorju.

Il-Bibbja tassigura lid-dixxipli li “dnubietkom huma maħfura minħabba ismu” u “d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub” (1 Ġwanni 2:12; 1:7). Il-penitenza ta’ dnubiethom ġarrabha Kristu. Mhux it-tbatija personali jew l-purgatorju jnaddfu d-dnub imma id-demm ta’ Kristu biss!