Posts

Showing posts from March, 2011

Alla hekk ħabb id-dinja

Image
Il-Bibbja tiġbor fil-qosor il-messaġġ tal-evanġelju f'dawn il-kliem tad-deheb: Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem (Ġwanni 3:16). Minkejja li d-dinja ħaditha kontra l-Ħallieq tagħha, Alla xorta waħda jħobbha. Mhux għax aħna ħelwin, imma għaliex hu twajjeb; mhux għax aħna mingħajr dnub, imma minkejja l-ħażen tagħna, Alla jħobb lid-dinja! Alla jħobbna għax ħalaqna, jagħtina l-ħajja, iżommna ħajjin, jieħu ħsiebna u jipprovdielna l-bżonnijiet tagħna. Dawn l-għotjiet napprezzawhom aktar meta joftomna minnhom imqar għal ftit żmien. Aktar minn hekk, il-manifestazzjoni ewlenija tal-imħabba t’Alla tidher fl-akbar għotja li ta u li qatt jista’ jagħtina. Alla ta l-Iben il-waħdieni tiegħu! Imħabba akbar minn hekk ma tistax tkun. Meta tana lil Ibnu, Alla tana qalbu. Alla tana lil Ibnu meta bagħtu fid-dinja bħala bniedem, umli u ġwejjed, biex jgħix fostna, jgħallimna u finalment biex imut għalina.