Posts

Showing posts from June, 2013

Għaliex hu l-Iben t’Alla?

Image
It-tfal żgħar tant għandhom enerġija li ma tħallihomx jikkonċentraw, speċjalment waqt il-ħin tal-homework. It-tifel issa qiegħed fl-ewwel sena tal-Primarja. Issoltu joqgħod m’ommu waqt il-homework, imma meta nkun nista’ noqgħod miegħu jien. Għalija eżerċizzju fil-paċenzja. M’għandux sabar bilqiegħda, il-lapes jaqa’ fl-art għaxar darbiet, u ħsibijietu jiġru minn ħaġa għall-oħra. F’ħin minnhom, waqt li qed nispellu u niktbu fil-pitazz bir-riġi wiesa’, qalli, “Papà, taf li lil Ġesù nistgħu nsejħulu, Son of God?” “Bravu, taf għalfejn ngħidulu Son of God ?” komplejt miegħu jien. “Mhux għax għamel is- sun !” weġibni fil-pront. Tbissimt. Ħawwad il-kelma son ma’ sun . Imma meta qagħadt nirrifletti, naħseb li għandu ftit raġun. Ġesù hu l-Iben t’Alla għax kif nistqarru fil-Kredu, hu ‘natura waħda mal-Missier li bih sar kollox.’ Ġesù hu tassew Alla, etern, u eżista qabel il-ħolqien. Infatti l-ħolqien sar bih. L-Iskrittura tgħallimna li mal-Missier, l-Iben huwa l-Ħallieq tal-univers.