Konversazzjoni mat-tfal


Kont qed nitkellem mat-tfal. Għidtilhom, ‘Tfal, hemm tlett mistoqsijiet kbar li jeħtieġ twieġbu sewwa jekk tridu tgħixu ħajjitkom bis-sens. L-ewwel, minn fejn oriġina l-ħolqien? It-tieni, min fejn ġiet il-ħajja? U t-tielet, min fejn tiġi l-imħabba?’

Dawn kienu, fil-qosor, il-konklużjonijiet li wasalna għalihom.

1. Minn fejn oriġina l-ħolqien?

Nafu fiċ-ċert li xejn ma jiġi mix-xejn! Il-ħolqien kellu bidu. Kien hemm żmien meta ma kienx. Kif mela jeżisti? Jeżisti għax Alla, li hu etern, fil-bidu ħalaq is-sema u l-art. Il-ħolqien oriġina fil-ħsieb tal-Ħallieq, u kien magħmul bil-kelma u s-setgħa tiegħu.

2. Min fejn ġiet il-ħajja?

Nosservaw li l-ħajja dejjem titnissel mill-ħajja. Dan jgħodd għalina l-bnedmin, l-annimali, il-pjanti u saħansitra l-mikrobi wkoll. Imma minn fejn ġew l-ewwel ħlejjaq ħajjin fid-dinja? Kull ħajja issib l-bidu tagħha f’Dak li hu ħaj minn dejjem għal dejjem. Alla tana l-ħajja u jżommna ħajjin.

3. Min fejn tiġi l-imħabba?

Għal darb’ oħra, it-tweġiba nsibuha fil-Ħallieq. Alla, li hu mħabba, ħalaqna fuq xbieha tiegħu. Alla għamilna nixbħuh, u tana qalb li kapaċi tħobb u tixxennaq għall-imħabba.

X’ifisser dan kollu għalina? staqsew it-tfal.

Weġibthom hekk, ‘Tfal, quddiemkom għandkom deċiżjoni ewlenija. Tistgħu tagħżlu li titbegħdu minn Alla jew tistgħu tagħżlu li tersqu lejh. Ħafna nies jagħżlu li jinjorawh; ftit jagħżlu li jemmnu fih u jadurawh. Intom x’se tagħmlu?

Ftakru biss minn hu Alla, il-Ħallieq etern, l-għajn ta’ kull ħajja, u fuq kollox, Alla huwa mħabba. Jekk titbegħdu minnu tkunu qed titbegħdu mill-ħajja, tkunu qed tagħtu daharkom għall-imħabba. Tfal, tagħmlux dan l-iżball. Agħżlu l-ħajja. Agħżlu l-imħabba. Agħżlu ‘l Alla.’