Mewta tajba



Bħalissa għaddejja diskussjoni dwar l-ewtanasja—li wieħed volontarjament jitlob l-għajnuna biex joqtol lilu nnifsu sabiex jeħles mit-tbatija.

Jinġiebu żewġ raġunijiet ewlenin favur l-ewtanasja: (1) l-awtonomija ta’ kull individwu (jiġifieri li persuna għandu l-jedd li jiddetermina hu x’jagħmel b’ħajtu); u (2) li f’ċertu ċirkostanzi, il-qtil huwa att ta’ ħniena mal-marid għax iserrħu mit-tbatija.

X’tgħallimna l-Iskrittura fuq dan is-suġġett?

Il-ħniena nuruha l-aħjar mal-marid mhux billi noqtluh, imma billi nikkurawh u nkunu viċin tiegħu sal-aħħar.

Mhux biss. Bis-salib, Ġesù wriena l-ogħla forma ta’ ħniena—mhux il-qerda tal-ħajja imma l-fidwa tagħha.

Bin Alla, sar wieħed bħalna, u daħal fl-esperjenza tat-tbatija u s-sofferenza umana, anke sal-mewt. Niftakru li l-evanġelju ma jispiċċax b’salib mdemmi, imma b’qabar vojt. Ġesù rebaħ fuq il-mewt! Bis-saħħa tiegħu, aħna li nemmnu fih ksibna wkoll it-tama li s-sofferenzi temporanji tagħna għad jagħtu wisgħa għall-ħajja eterna. Din hi l-vera ħniena li tant għandna bżonn!

Xi ngħidu imbagħad dwar awtonomija—tassew li l-bniedem ma jaqa’ taħt l-awtorità ta’ ħadd, u li jista’ jagħmel li jrid, saħansitra li joqtol lilu nnifsu? Jaħasra kemm hu miskin il-bniedem li jippretendi li hu awtonomu, jiggranfa miegħu nnifsu, anke meta hu tant dgħajjef li l-unika ‘qawwa’ li għandu hi li jtemm ħajtu!

Kemm hu isbaħ li l-bniedem jumilja lilu nnifsu, jirrikonoxxi l-awtorità t’Alla fuqu, u jissottometti ruħu taħt l-id setgħana tiegħu, u b’hekk ma jiffaċċjax il-mewt waħdu. Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li jkun magħna fil-wied ta’ dell il-mewt, u li joħroġna mid-dlam, u jdaħħalna fid-dawl glorjuż tas-Saltna tiegħu.

Il-mewt tagħna, mal-mewt ta’ Kristu, issir bieb miftuħ għall-ħajja eterna.

Popular posts from this blog

L-aħħar 24 siegħa ta' ħajti

L-Indulġenzi