L-aħħar 24 siegħa ta' ħajtek


Staqsejt fuq facebook il-mistoqsija, ‘Kieku tkun taf li fadallek biss 24 siegħa ħajja, x'tagħmel?’

Predominanti fost it-tweġibiet kienet l-imħabba lejn il-familja, speċjalment lejn it-tfal. Dan is-sentiment qawwi deher fi kliem bħal, 'inqatta' kull sekonda mat-tfal tiegħi sal-aħħar nifs' ...'infakkarhom kemm inħobbhom' ... ‘ngħannaqhom miegħi sal-aħħar’.

M’għandix dubju li l-isbaħ rigal t’Alla f’din il-ħajja hi l-imħabba tal-familja. Għalkemm ma nafux meta, nafu li xi darba se nitilqu mid-dinja. Bid-dmugħ f’għajnejna jkollna nsellmulhom għall-aħħar darba u nħalluhom. Illum iċ-ċans tagħna li nuru mħabbitna lill-għeżież tagħna.

Imma lanqas l-familja ma tista’ tagħtina tama li tmur ‘l hemm mill-qabar.

Xi wħud wieġbu, forsi b’umoriżmu, li jindafru jieklu gelati, donuts, ċikkulata u jixorbu l-inbid u l-whisky. Kultant niċċajtaw għax inħossuna skomdi nitkellmu bis-serjetà dwar il-brevità ta’ ħajjitna u dak li hemm jistenniena wara.

Kien hemm oħrajn li tkellmu dwar kif se jippreparaw ruħhom biex jiltaqgħu mal-Ħallieq. ‘Nitlob maħfra’ ... 'nitlob 'l Alla jkollu ħniena minni' ... ‘naħdem għas-salvazzjoni’ ... ‘inqerr’ ... ‘ngħid ir-rużarju.’

Il-prospett li se nidhru quddiem Alla jġibna konxji ta’ ħtijietna. Ksirna l-liġi tiegħu u dnibna kontrih. Imma l-evanġelju jagħtina tama. Għax Alla hekk ħabb id-dinja li ta l-Ibnu l-waħdieni biex kull minn jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk il-Mulej jistedinna nduru lejh bil-fidi u nafdaw fih is-salvazzjoni ta’ ruħna. Mhux nafdaw fil-ħidma tagħna jew f’xi ħadd ieħor, imma fih, u fih biss. Din hi l-għażla li messna nagħmlu llum, u meta jasal il-waqt tat-tluq żgur ma nkunux diżappuntati. Għax l-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx.’ U mill-ġdid, ‘Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva’ (Rumani 10:11,13).

Ngħid is-sew jien ukoll ħsibt x’kont nagħmel kieku kelli nkun naf li fadalli 24 siegħa fuq l-art. L-ewwelnett, immur nagħmel testment biex ma nħallix problemi għall-mara u t-tfal! (Se nagħmel appuntament ma' nutar immedjatament). Jien ukoll inkun nixtieq intenni mħabbti lejn marti u wliedi, u ngħidilhom biex fuq kollox jafdaw fil-Mulej u jimxu warajh. Nibki għal mument għax il-firda hi kerha, imma l-antiċipazzjoni li niltaqa’ mal-Feddej tiegħi timlieni bil-ferħ. Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u li mmut hu qligħ.