Check-Up Spiritwali
Darba waħda Ġesù u d-dixxipli kienu mistiedna għall-ikel għand wieħed pubblikan jismu Levi (ara Luqa 5:27-31). Ir-reliġjużi ħadu għalihom. Mhux sewwa, bdew igergru mad-dixxipli, li tindieħsu ma’ nies midinbin! Huma, in-nies sewwa, żgur ma kienux se jiċċappsu magħhom! Għaliex aċċetta l-istedina Ġesù? Żgur li mhux biex jissieħeb fid-dnubiethom. Ġesù kien qed jifraħ ma’ Levi fil-konverżjoni tiegħu. Ġesù mar iwassal messaġġ ta’ maħfra u ħniena lill-ħbieb u l-familjari tiegħu sabiex huma wkoll jiksbu l-fejqan għal ruħhom. Għalhekk Ġesù wieġeb lir-reliġjużi, “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn ta’ tabib, iżda dawk li huma morda. Ma ġejtx insejjaħ in-nies sewwa, iżda l-midinbin għall-indiema.” Għal dan l-iskop ġie l-Iben t’Alla. Ġie f’dinja marida biex jagħti l-fejqan. It-tgergir tar-reliġjużi ma kienx jagħmel sens. Forsi noffendu ruħna jekk naraw it-tabib l-isptar ħdejn il-pazjenti? Ara huma, il-Fariżej, ma kellhom ebda ħeġġa biex imorru għand Ġesù. Kienu jippretendu li hum...