Check-Up Spiritwali

Darba waħda Ġesù u d-dixxipli kienu mistiedna għall-ikel għand wieħed pubblikan jismu Levi (ara Luqa 5:27-31). Ir-reliġjużi ħadu għalihom. Mhux sewwa, bdew igergru mad-dixxipli, li tindieħsu ma’ nies midinbin! Huma, in-nies sewwa, żgur ma kienux se jiċċappsu magħhom!

Għaliex aċċetta l-istedina Ġesù? Żgur li mhux biex jissieħeb fid-dnubiethom. Ġesù kien qed jifraħ ma’ Levi fil-konverżjoni tiegħu. Ġesù mar iwassal messaġġ ta’ maħfra u ħniena lill-ħbieb u l-familjari tiegħu sabiex huma wkoll jiksbu l-fejqan għal ruħhom.

Għalhekk Ġesù wieġeb lir-reliġjużi, “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn ta’ tabib, iżda dawk li huma morda. Ma ġejtx insejjaħ in-nies sewwa, iżda l-midinbin għall-indiema.” Għal dan l-iskop ġie l-Iben t’Alla. Ġie f’dinja marida biex jagħti l-fejqan. It-tgergir tar-reliġjużi ma kienx jagħmel sens. Forsi noffendu ruħna jekk naraw it-tabib l-isptar ħdejn il-pazjenti?

Ara huma, il-Fariżej, ma kellhom ebda ħeġġa biex imorru għand Ġesù. Kienu jippretendu li huma nies sewwa u li m’humiex midinbin bħall-oħrajn. Ma’ kienux iħossuhom morda u għalhekk kien jidhrilhom li ma kellhomx bżonn ta’ tabib.

Jaħasra, x’delużjoni! Il-kburija tagħhom għamithom għar-realtà ta’ dnubiethom. Kienu jixbħu raġel li għandu l-pressjoni għolja - għaddej bil-ħajja normali mingħajr ma jħoss xejn partikolari, imma ma jafx kemm hu fil-periklu. Il-pressjoni tissejjaħ ‘silent killer’ għax il-pazjent ma jkollu ebda sintomi filwaqt li l-ħsara tkun qed issir bil-mod il-mod. Imbagħad, f’daqqa waħda, tiġi fuqu r-rovina.

Ħabib, il-Mulej Ġesù jridek taħseb fuq il-qagħda spiritwali tiegħek. Forsi inti reliġjuż u tal-knisja. Forsi tqabbel lilek innifsek ma’ oħrajn, u b’paragun inti tidher tajjeb. Imma kif tidher f’għajnejn Alla li jagħraf qalbek u għemilek kollu? Hemm għerq ta’ dawn id-dnubiet fik?
  • Ipokreżija – tagħti l-impressjoni quddiem in-nies li inti tajjeb, imma fis-siġriet tagħmel mod ieħor.
  • Żena – waqt li tikkundanna l-immoralità fis-soċjetà madwarna, fil-privat u f’qalbek inti wkoll żieni.
  • Indifferenza – meta tara xi ħadd fil-bżonn, taqsam għan-naħa l-oħra tat-triq, u bi skuża jew oħra tibqa għaddej.
  • Kburija – taħseb li inti xi ħaġa, u saħansitra tħossok konfidenti fik innifsek li inti bniedem tajjeb.
Jekk xorta waħda tippretendi li, minkejja xi dgħufijiet żgħar, inti bniedem ġust u tajjeb, allura Ġesù ma jiswielek xejn. Hu ma ġiex isejjaħ lin-nies ‘sewwa.’

Imma jekk illum tirrealizza li inti midneb, u bir-raġun tibża’ li għada pitgħada ħtijietek se jirrovinawk, taqtax qalbek. Il-Mulej Ġesù ġie apposta għall-midinbin. Mur mela għand il-Mulej Ġesù, l-aqwa u l-uniku tabib tar-ruħ, u b’umiltà u indiema ġenwina itolbu jkollu ħniena minnek. Hu ġie jsejjaħ il-midinbin, hu ġie jsejjaħ lilek ukoll. Għalhekk jekk illum tisma’ leħnu, la twebbisx qalbek. Afda ruħek f’idejh

* * *
Nistiednek tisma' dan il-messaġġ fuq YouTube