Storja ta' mħabba

Ġesù kien jilqa’ għandu l-midinbin u jiekol magħhom. L-iskribi u l-Fariżej, nies reliġjużi kemm tridhom, ma ħadux gost. Skandalizzaw ruħhom bl-imġieba tiegħu.

Għalhekk Ġesù qalihom tlett stejjer (Luqa 15). L-ewwel waħda dwar ragħaj li tilef nagħġa, mar ifittixha u feraħ meta sabha; it-tieni dwar mara li tilfet munita, kinset id-dar kollha, u meta sabitha stiednet il-ħbieb u l-ġirien biex jifirħu magħha; u t-tielet, l-istorja tal-missier li tilef lil ibnu u jifraħ qatigħ meta jiġi lura. Ejja nħarsu lejn din il-parabbola ftit aktar mill-qrib.

IT-TIFEL IŻ-ŻGĦIR

Mela kien hemm missier li kellu żewġt ulied. Iż-żgħir kellu l-wiċċ jistaqsi lil missieru jagħtih s-sehem tiegħu tal-wirt, u b’sorpriża aktar, il-missier tahulhu. Ftit wara t-tifel telaq mid-dar, u bil-flus fil-but, il-ġuvni għamel xalata sħiħa. Sakemm spiċċawlu. Ġie l-għaks fil-pajjiż. Ħbiebu telquh. Spiċċa f’għalqa jirgħa l-ħnieżer, mejjet bil-ġuħ. Meta ġie f’tiegħu, it-tifel ftakar li missieru kien raġel twajjeb, u għamel il-kuraġġ biex jirritorna d-dar.

Missieru kien qed jistennih u infatti meta kien għadu l-bogħod mar jiġri biex jilqgħu, għanqu miegħu u biesu. It-tifel qal lil missieru li ma jistħoqqlux jissejjaħ ‘ibnu’ u talbu biex iżommu bħala qaddej. Il-qalb tal-missier kienet ferm akbar minn hekk. Ordna malajr lill-qaddejja biex ilibsuh sabiħ – sinjal li kien milqugħ mill-ġdid fil-familja. Il-missier organizza festa kbira biex jiċċelebraw ir-ritorn ta’ ibnu d-dar. “Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,” qal il-missier, “għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!” (Lq 15:23, 24).

IT-TIFEL IL-KBIR

Sadanittant il-tifel il-kbir kien qed jaħdem fl-għalqa. Sema’ l-mużika u iż-żfin u staqsa x’kien qed jiġri d-dar. Ma ħa gost xejn bil-merħba li missieru ta lil ħuh. Mar lejn id-dar imma baqa’ barra.

Meta missieru ħareġ jkellmu, it-tifel kien wisq irrabjat. Għajjar lil ħuh u akkuża lil missieru li ma kienx qed ikun ġust miegħu. Waqt li ftaħar kemm kien ħadem għalih u kif dejjem obdih, fl-istess ħin it-tifel kien qed jinfed u jweġġa’ qalb missieru fl-isbaħ ġurnata ta’ ħajtu. Madankollu l-missier talbu jidħol ġewwa biex jifraħ magħhom. Ġesù ma jgħidilniex x’għamel l-iben il-kbir - jekk daħalx għall-party jew jekk baqax barra.

L-IBEN T’ALLA

Din hi l-istorja taż-żewġt ulied, imma qabel xejn hi l-istorja tal-imħabba ta’ missierhom. Tispjega għaliex Ġesù kien jagħti merħba l-midinbin, jifraħ u jiekol magħhom. Bħar-ragħaj meta sab in-nagħġa l-mitlufa, bħall-mara meta sabet il-munita, bħall-missier meta ibnu ż-żgħir ġie lura d-dar, hekk jifraħ il-Missier meta jsib ‘l uliedu, jaħfrilhom, jgħanaqhom miegħu u jdaħħalhom f’daru.

Ġesù hu l-espressjoni tal-imħabba tal-Missier. Jekk irridu nkunu nafu kemm iħobb Alla, jeħtieġ inħarsu lejn Ibnu, li bagħat għas-salvazzjoni tagħna.

Ġesù kien jilqa’ lil kulħadd. Daħal fid-dar ta’ Żakkew, raġel magħruf għal kemm bagħbas fil-flus. Fejjaq it-tifel ta’ waħda mara avolja kienet barranija, jew kif ngħidu llum, klandestina. Mess lill-imġiddma avolja kienu imwarrbin u mistkerrħa mis-soċjetà. Infatti l-istedina ta’ Kristu hi miftuħa għal kulħadd: “Ejjew għandi, intom ilkoll li taħdmu u li intom imgħobbijin wisq u jien inserraħkom” (Mt 11:28).

Aktar minn hekk Kristu juri l-imħabba t’Alla permezz tas-salib. Ġesù ta ħajtu u xerred demmu għall-fidwa tagħna biex jeħlisna mid-dnub u l-mewt. “Hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna  'l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta' tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4:10). Id-dirgħajn ta’ Kristu msammrin mas-salib huma l-istampa t’Alla l-Missier b’dirgħajh miftuħa beraħ għalina.

AĦNA FL-ISTOJRA

Hawnhekk nidħlu aħna biex nikkonkludu l-istorja. Iż-żewġt ulied jirrappreżentaw lilna.

Forsi nixbaħ liż-żgħir; tlaqt il-bogħod minn Alla, injorajt il-liġi tiegħu u berbaqt fix-xejn il-ġid, is-saħħa u l-abbilitatijiet li tani. Ħsibt li se nsib il-ferħ billi naħrab minn Alla. Imma issa spiċċa l-buzz u nħossni dħalt ġo ħajt. Jeħtieġ niġi f’tiegħi. M’għandix għalfejn nibqa’ nbati, ngħix ħajja bla sens u nipperikola ruħi għall-eternità fl-infern. Niftakar kemm hu twajjeb il-Missier. Inqum u mmur lura għandu. Nammetti l-ħażen tiegħi, kif tajtu dahri, kemm abbużajt il-ġid li tani, u kemm dnibt bl-addoċċ. Ma jistħoqqli xejn imma naf ukoll kemm hu ħanin Alla. Nitolbu jaħfirli u jilqagħni minħabba s-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib. Il-Missier qed jistennieni.

Jew forsi nixbaħ aktar lit-tifel il-kbir. Reliġjuż. Onest. Dejjem fittixt li nobdi ‘l Alla. Inħoss li jien għandi mertu. Nitkaża bil-ħażen ta’ ħaddieħor. Imma s’issa qatt ma rrealizzajt li jien ukoll midneb – avolja d-dnubiet tiegħi ma jidhrux għax huma moħbija fil-qalb bħas-suppervja u l-kburija. Minflok nafda fija nnifsi u t-tjubija tiegħi, jeħtieġ nappella ‘l Alla għall-ħniena, nitolbu jaħfirli f’ġieħ is-salib ta’ Ibnu. Lili wkoll l-Missier isejjaħli biex nidħol ġewwa.

Ġesù kien jilqa’ għandu l-midinbin u jiekol magħhom. Hekk għadu jagħmel sal-lum. Se nwieġeb għall-istedina tal-Missier permezz ta' Ibnu? Fejn ninsab jien f'din l-akbar storja ta' mħabba?