Il-Venerazzjoni tar-Relikwi

Il-katekiżmu jirrikonoxxi l-venerazzjoni tar-relikwi bħala waħda mis-suriet tat-tjieba fost il-fidili (para. 1674). Għalkemm m’għandhomx popolari bħal ma kienu fi żminijiet medjevali, anke illum hawn Kattoliċi devoti li jfittxuhom.

F’pajjiżna hawn mijiet ta’ relikwi esebiti fil-knejjes; xi wħud wkoll jingarru waqt il-purċissjonijiet. Ir-relikwi jistgħu jkunu biċċiet ta’ għadam, demm jew xi oġġett jew biċċa drapp li tkun messet mal-qaddis. Il-fidili jmissuhom u jbusuhom bit-tama li permezz tagħhom u l-interċessjoni tal-qaddis, Alla jagħtihom xi grazzja, fejqan jew miraklu.

Lura lejn l-art

Mhemm xejn ħażin li nżommu xi tifkiriet tal-maħbubin tagħna li ħallewna. Wisq nibża li l-venerazzjoni tar-relikwi tmur wisq aktar lil hemm minn hekk. L-għadam tal-mejtin għandhom jindifnu u mhux ikunu esposti għall-pubbliku. Fil-Bibbja naqraw ir-rakkont ta’ xi Lhud li waqt li kienu qed jidfnu raġel mejjet raw xi ħallelin ġejjin lejhom. Fl-għaġġla xeħtu l-katavru fil-qabar miftuħ, u kif dan mess mal-għadam tal-profeta Eliżew, ir-raġel ħa l-ħajja u qam fuq riġlejh (2 Slaten 13:21). Nistgħu b’daqshekk niġġustifikaw l-prattika tar-relikwi? Ma naħsibx. L-għadam tal-profeta inkixfu b’mod aċċidentali; ma kienux esebiti fuq xi altar imma midfunin fl-art kif suppost.

Mhux aħjar nħallu l-fdalijiet tal-mejtin jistrieħu fl-oqbra tagħhom sal-jum tal-qawmien, waqt li aħna nikkonċentraw fuq relazzjoni ħajja mas-Salvatur tagħna Ġesù, permezz tal-Ispirtu s-Santu u gwidati mill-Kelma tiegħu?

Sinjali mirakolużi

Alla wettaq mirakli u għeġubijiet permezzz tal-profeti u l-appostli, anke permezz ta’ oġġetti materjali tagħhom (Atti 5:15; 19:11-12). Alla tahom li jwettqu mirakli stupendi għal għan speċjali; il-mirakli kienu s-sinjal u l-prova li huma kienu tassew il-messaġġiera awtentiċi tal-evanġelju (2 Kor 12:12; Lhud 2:3, 4). Il-konnessjoni fiżika (il-kelma tagħhom, it-tqegħid tal-idejn, il-ħwejjeġ u saħansitra d-dell tagħhom) kienet importanti biex turi biċ-ċar li huma kienu tassew il-kelliema t’Alla, u li l-messaġġ tagħhom kien ir-rivelazzjoni t’Alla.

Il-poplu t’Alla huwa konvint li l-profeti u l-appostli kienu l-messaġġiera tal-Mulej, u li t-tagħlim tagħhom miktub fl-Iskrittura Mqaddsa huwa l-messaġġ awtentiku t’Alla għalina. Għalhekk ma nistennewx aktar sinjali u għeġubijiet jekk tassew nemmnu fix-xhieda li tahom Alla. Illum għandna il-Kelma t’Alla sħiħa li permezz tagħha nagħrfu lill-Mulej Ġesù, u li fih insibu kull barka spiritwali.

Kuntatt m’Alla

L-appostlu San Pawl ma qal xejn lill-Insara ta’ żmienu biex jipriservaw u jesebixxu l-għadam tiegħu f’relikwalji. Ix-xewqa kbira tiegħu kienet li l-evanġelju jkun mxandar b’fedeltà u mgħoddi bla mittiefes għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Permezz tal-evanġelju nistgħu nagħrfu lil Kristu li jressaqna lejn il-Missier. Skalda mis-salib, biċċa mill-velu ta’ Marija, għadma mill-polz ta’ San Pawl u id-drigħ ta’ San Ġorġ ma jistgħux iressquna pulżier eqreb lejh.

Mhux talli ma jgħinux, dawn l-affarijiet huma ta’ tfixkil għall-fidi għax sikwit iwasslu għas-superstizzjonijiet u jitfgħu dubju fuq is-suffiċjenza ta’ Kristu, il-medjatur tagħna. Il-kuntatt bejn Alla u l-bniedem huwa Kristu u d-demm li xerred għall-fidwa tagħna, mhux il-fdalijiet tal-qaddisin. Jekk tassew nafdaw fih aħna għandna dħul liberu quddiem it-tron tal-grazzja.