Il-Qawsalla


Għajnejn l-artist jaraw is-sbuħija tagħha. Ix-xjentist jispjega kif id-dawl abjad jinfetaq f'seba' lwien. Għalina lkoll, il-qawsalla tissimbolizza l-fedeltà t’Alla; il-Mulej dejjem iżomm kelmtu.

Wara d-dulluvju ta’ żmien Noè, Alla għamel din il-wegħda, “Jien nintrabat b’għaqda magħkom… (li ma jkunx) hemm dulluvju ieħor biex jgħarraq l-art… Qegħidt il-qawsalla tiegħi fis-sħab, u dan ikun għelm tal-għaqda bejni u bejn l-art” (Ġenesi 9:8-13).

Alla jżomm kelmtu ma’ kulħadd, kemm ma dawk li jħobbuh, kif ukoll ma dawk li ma jridux jafu bih u bil-liġi tiegħu.

Għalhekk l-appostlu Pietru jwissi bis-sħiħ lin-nies li jgħixu skont ix-xewqat ħżiena tagħhom. Huma jiddubbitaw il-wegħda tiegħu li għad jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq minn kulħadd. Huma jinsew li fl-imgħoddi Alla għarraq u qered id-dinja minħabba l-ħażen tal-bniedem. Madankollu l-appostlu jafferma li Alla ma jiddawwarx milli jwettaq il-wegħda tiegħu u jwissina dwar it-telfien tal-ħżiena. (Ara 2 Pietru 3:3-10).

Għalhekk meta nħarsu lejn il-kuluri tal-qawsalla, minflok nintefħu bil-kburija, messna numiljaw ruħna quddiem Alla, nindmu u nappellewalu jħenn għalina.

Mhux biss. Alla jżomm kelmtu wkoll mal-poplu tiegħu: “Bħalma ħlift li l-ilmijiet ta’ Noè ma jitilgħux aktar fuq l-art, hekk ħlift li ma nerġax iżjed nagħdab għalik u lanqas inċanfrek. Għax il-muntanji jistgħu jitilqu u l-għoljiet jitheżżu, iżda l-imħabba tiegħi ma titħarrikx minn miegħek, u lanqas ir-rabta tas-sliem tiegħi ma titħarrek, jgħid il-Mulej li jħenn għalik” (Iżaija 54:7-10).

Ta’ din id-dinja kollox jgħaddi u jintemm, ħlief l-imħabba t’Alla għal uliedu. Alla jżomm kelmtu ma’ dawk kollha li semgħu l-evanġelju u jemmnu fi Kristu Ġesù. Iħobbhom b’imħabba eterna, u meta jerġa’ jiġi, jilqagħhom fi ħdanu u fil-ferħ ta’ dejjem.

Fi ftit kliem, il-qawsalla hi twissija serja tal-ġudizzju li ġej, u stedina għall-indiema u l-maħfra. Il-qawsalla hi wkoll l-assigurazzzjoni tal-imħabba t’Alla għal uliedu. Fil-kundanna jew fil-ħniena, Alla dejjem iżomm kelmtu.