Kif naf li Alla jħobbni?


Kif naf li Alla jħobbni? Forsi għax dejjem tiġini tajba? Għax dejjem iħarisni minn kull ħsara u qatt ma jmissni l-inkwiet? Naf li jħobbni għax ma jonqosni jew għax jien b'saħħti?

Il-barkiet kotrana tiegħu huma xhieda ta' mħabbtu: ix-xemx, ix-xita, il-ġid, l-ikel, l-ilbies, il-kenn tad-dar, is-saħħa tal-ġisem, is-saħħa u l-fejqan, il-ħbiberiji u l-għożża tal-familja; dawn huma lkoll sinjali tat-tjieba tiegħu.

Imma x’naqbad ngħid meta jogħġbu joftomni minnhom? X’ngħid meta fil-providenza tiegħu jżurni bil-mard, it-tbatija jew l-inkwiet. X'nagħmel fiċ-ċirkostanzi ħżiena? Niddubitah, ingerger u nistaqsi fejn hu Alla?

Le! Anzi aktar naħrab lejh bħalma tifel fin-niket tiegħu jiġri lejn dirgħajn missieru. Nibqa' nafda f'Alla Sovran, is-Sid li hu fil-kontroll sħiħ ta’ kollox. Jalla fin-niket tiegħi jkolli l-kuraġġ nistqarr, "Il-Mulej ta, u l-Mulej ħa; imbierek ikun isem il-Mulej" (Ġob 1:21). Iva, anki jekk ma nifhem xejn, nibqa' nemmen fis-sħiħ li "kollox jaħdem flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu ‘l Alla." Jien konvint li xejn u ħadd "ma jifridna mill-imħabbba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù" (Rumani 8:28, 39).

Fuq kollox, kull dubju jisparixxi bħan-nida ta’ filgħodu meta nħares lejn is-salib ta' Kristu. Alla għoġbu jiftaħli għajnejja biex nagħraf min kien u x’għamel Ġesù għalija — Alla bagħat 'l Ibnu l-Maħbub biex jifdini b'demmu u jaddottani fil-familja tiegħu.

"B’dan dehret l-imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat ’il Ibnu waħdieni fid-dinja biex ikollna l-ħajja bih. F’dan qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna 'l Alla, imma għax hu ħabbna, u bagħat ’il Ibnu biex ikun il-mezz tal-maħfra għal dnubietna" (1 Gwanni 4:9-10).

Meta nħares lejn Kristu msallab jien nittawwal fond fil-qalb ħanina t’Alla. Hemm nilmaħ l-imħabba tal-għaġeb t'Alla għalija, u ruħi tilbet u ssib is-sliem.

Popular posts from this blog

Mewta tajba

Grazzi!

L-Indulġenzi