L-ilma mbierek
Fuq il-font tal-ilma mbierek fi knisja l-Ħamrun hemm miktub dawn il-kelmiet: “Berikni Mulej b’dan l-ilma mbierek, naddafni minn ħtijieti.”
Jiġuni żewġ ħsibijiet f’moħħi. L-ewwelnett, hi ħaġa tajba li wieħed ikollu kuxjenza li tħoss il-ħtija tad-dnub u jfittex it-tindif spiritwali. Fid-dinja sekulari moderna, ftit li xejn għad fadal biża t’Alla, u allura lanqas biss hemm ix-xewqa għall-maħfra u l-ħniena tiegħu. Mhux hekk fost il-Kattoliċi devoti. Konxji minn dnubiethom, huma jfittxu lil Mulej għall-maħfra. Dan il-ħsieb iferraħni.
Imma hemm ħsieb ieħor li jnikkitni. Jista’ l-ilma applikat f’forma ta’ salib fuq il-moħħ inaddaf il-qalb mill-ħtija tad-dnub? Minn fejn ġie dan ir-ritwal? Hekk għallmuna Ġesù jew l-appostli tiegħu? Ħbieb, it-Testment il-Ġdid ma jgħidx imqar kelma waħda dwar l-ilma mbierek.
Għalhekk nitnikket, għax tant Maltin qed ifittxu rimedju finta, qed jafdaw fit-tradizzjonijiet umani, aktarx milli jimxu skont il-Kelma t’Alla. Jaħasra l-Bibbja tgħidilna ċar u tond kif nistgħu nikbsu l-maħfra – għaliex ma nemmnuhiex?
Il-Bibbja turina ’l Alla, twajjeb u ħanin, li bagħat lil Ibnu Ġesù fid-dinja biex hu, il-ġust, imut għall-inġusti, u b’hekk iressaqhom lejh u jirrikonċiljahom miegħu. Huwa biss id-demm ta’ Kristu li jnaddafna mid-dnub. Il-Bibbja tgħidilna wkoll il-kif niksbu l-maħfra. Alla jsejħilna biex nindmu, jiġifieri nduru lejh, u nafdaw bil-fidi fis-Sid Ġesù. Alla jsaffilna qlubna bil-fidi (Atti 15:7). “Emmen fil-Mulej Ġesù u tkun salvat” (Atti 16:31).
Jekk temmen fih b’qalbek kollha, bħalma qal lill-mara fil-vanġelu, hekk ukoll jgħid Ġesù lilek: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem” (Luqa 7:50).