Bilwieqfa jew bilqiegħda

Niftakar lil ommi għaddejja taħdem il-ġurnata kollha — tnaddaf, taħsel il-ħwejjeġ, issajjar, toħroġ tixtri, u tant faċendi oħra fid-dar. Kienet mara bieżla. Imma flgħaxija kienet tintefa’ bilqiegħda tistrieħ. Dak kien ifisser li x-xogħol li kellha tagħmel għal dak il-jum kien lest.
Il-Bibbja tagħmel kuntrast bejn il-qassisin Leviti tat-Testment il-Qadim, ma’ Ġesù, il-Qassis il-Kbir tagħna fit-Testment il-Ġdid.
“U kull saċerdot, bilwieqfa ta’ kuljum, jaqdi u joffri sikwit l-istess sagrifiċċji, li ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet, imma dan, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem, poġġa fuq il-leminija t’Alla” (Ebrej 10:11–12).
Fuq naħa għandna l-qassisin Leviti, bilwieqfa; fuq in-naħa l-oħra, Ġesù jinsab bilqiegħda. Dan ifisser li x-xogħol tal-qassisin Lhud ma kienx komplut, għax is-sagrifiċċji li kienu joffru “ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet.” Għalhekk kont issibhom ta’ kuljum bilwieqfa fuq l-artal.
Ma nistgħux ngħidu l-istess dwar Ġesù. Hu ġie fid-dinja biex joffri sagrifiċċju bi tpattija għal dnubietna, u dan għamlu meta offra lilu nnifsu fuq is-salib. Ma ġiex joffri ħafna sagrifiċċji, imma wieħed biss. Wieħed u tajjeb. Wieħed, darba għal dejjem. Ġesù “meta għamel purifikazzjoni għad-dnubiet, poġġa fuq il-leminija tal-Maestà fl-għoli” (Ebrej 1:3)
F’moħħi tiġini kurżita, u forsi inti wkoll tara din il-biċċa stramba. Qatt innotajt li fil-knisja, il-qassisin joqgħodu bilwieqfa joffru s-sagrifiċċju tal-quddiesa fuq l-artal? Bħal qassisin Leviti tal-antik, il-qassisin Kattoliċi għadhom ta’ kuljum jirrepetu l-istess sagrifiċċju. Diffiċli tevita l-konklużjoni li bħalma s-saġrifiċċji tat-Testment il-Qadim kienu ripetuti għax ma kinux effettivi, l-istess jista’ jingħad dwar is-sagrifiċċju tal-Quddiesa. Il-qassis bilwieqfa hu xhieda li s-sagrifiċċju tal-quddiesa ma jneħħix id-dnub.
Ommi kienet tqum l-għada filgħodu għal ġurnata oħra ta’ xogħol. Kienet tgħid, “Ix-xogħol tad-dar ma tlestih qatt.” Imma s-sagrifiċċju tat-tpattija huwa lest. Għaddew elfejn sena — Ġesù qam minn bejn l-imwiet, kien merfugħ fis-sema, u qiegħed bilqiegħda sal-lum għax bis-sagrifiċċju uniku u perfett tiegħu, Ġesù jnaddaf il-qalb ta’ kull bniedem li jafda fih.
Jien u inti neħtieġu qassis biex iressaqna għand Alla — qassis li tassew kapaċi jippurifikana minn dnubietna. Għalhekk tajjeb li nagħmlu mistoqsija sempliċi u diretta biex żgur ma niżbaljawx: il-qassis tiegħi ssibu bilwieqfa jew bilqiegħda?