Il-Bniedem maħluq fix-xbieha t’Alla


1.

It-tfal fl-iskejjel huma inkuraġġiti biex jistmaw tajjeb lilhom infushom (self-esteem). Imma fl-istess waqt ineħħulhom minn taħt riġlejhom il-bażi tal-valur ta’ ħajjithom. Jekk l-univers beda b’kumbinazzjoni, jekk il-ħajja hi aċċident kimiku, u jekk il-bniedem hu biss annimal ieħor li evolva bla pjan u mingħajr ebda skop, allura fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja tal-bniedem m’għandha ebda valur dejjiem - tiġi u titlaq u daqshekk. Fl-Iskrittura biss insibu l-perspettiva vera dwar is-sinifikat tal-bniedem. Il-valur tal-ħajja umana u d-dinjità tal-bniedem hi mogħtija lilu minn Alla li ħalqu u sawru fix-xbieha tiegħu.

Dakinhar il-Mulej ħalaq il-bniedem, bi xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom, u berikhom u semma isimhom Bniedem meta nħalqu (Ġen. 5:1-2).

2.

Xi tfisser il-Bibbja meta tgħid li l-bniedem kien maħluq fix-xbieha t’Alla? F’pajjiżna għandna diversi monumenti u xbihat ta’ personaġġi storiċi. Dawn l-istatwi huma magħmula jixbhu lill-persuni li jirrapreżentaw u huma intenzjonati biex jonorawhom. Hekk aħna magħmulin nixbhu ’l Alla u għandna l-vokazzjoni biex ngħixu għall-glorja tiegħu. Lil Alla aħna nixbhuh f’dawn it-tliet oqsma:

- personalità - bħal Alla, il-bniedem hu konxju, jirraġuna, jaħseb, jagħżel, iħobb u jifraħ;
- moralità - bħal Alla, il-bniedem jagħraf u jagħżel it-tajjeb mill-ħażin, il-veru mill-falz, u s-sabiħ mill-ikrah;
- soċjali - bħal Alla l-bniedem jitkellem, jikkomunika u jixxierek ma’ persuni oħrajn.

Alla qal: 'Ħalli nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha tagħna, fuq suritna, u ħa jkollhom ħakma fuq il-ħut tal-baħar, u fuq it-tjur tal-ajru, u fuq il-bhejjem, u fuq l-art kollha, u fuq kull ħliqa li titkaxkar fuq l-art.’ Hekk Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu; fuq ix-xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom (Ġen. 1:26-28).

3.

Meta l-Iskrittura tgħid li Alla ħalaq il-bniedem fuq xbieha tiegħu, ma jfissirx li aħna ‘allat żgħar’ bħalma jsostnu xi għalliema eretiċi fil-moviment Word of Faith. Aħna bnedmin, mhux allat! Alla hu l-Ħallieq, aħna ħlejjaq tiegħu. Alla hu infinit, aħna daqs tikka. Alla hu indipendenti, aħna niddependu minnu għal kull nifs li nieħdu. Kelmet Alla hi potenti u kreattiva; il-kelma tagħna tiswa biss meta bil-fidi u bl-umiltà nappellawlu jisma’ talbna. Min jimmaġina li hu ‘alla’ hu minfuħ bih innifsu bil-kburija u l-arroganza, u jikkontradixxi lill-Ħallieq għax Alla stess jiddikjara: ‘qabli l-ebda alla ma ssawwar, u lanqas ħadd ma jkun hemm warajja’ (Isaija 43:10).

Hekk jgħid il-Mulej, is-Sultan ta’ Iżrael, u l-Feddej tiegħu, il-Mulej tal-eżerċti, 'Jien l-ewwel u jien l-aħħar; u m’hemmx Alla ieħor għajri' (Isa. 44:6).

4.

L-Iskrittura tgħallem li aħna l-bnedmin konna maħluqin fix-xbieha t’Alla. Dan ma jfissirx li aħna nixbhuh fis-sura fiżika. Alla hu spirtu, u għaldaqstant m’għandux laħam, għadam jew ġisem fiżiku (Ġw. 4:24; Lq. 24:39). Madankollu, l-immaġni t’Alla fina tidher fil-persuna sħiħa tagħna - materjali u immaterjali - fil-ġisem u fl-ispirtu. Meta b’ġismek taħdem u tistinka biex tgħin lil ħaddieħor, inti tkun qed turi l-imħabba t’Alla. Infatti anke jekk b’idejk fiżiċi tagħti tazza ilma friska lil għajrek bil-għatx, inti tkun qed turi t-tjieba t’Alla. Il-glorja tal-immaġni sabiħa t’Alla ssir viżibbli permezz ta’ ġisimna.

Neżortakom mela, l-aħwa, f’ġieħ il-mogħdrijiet t’Alla, ħalli tippreżentaw l-iġsma tagħkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis u jogħġob lil Alla, li hu l-qima spiritwali tagħkom (Rum. 12:1).

5.

Mgħallmim mill-Iskrittura Mqaddsa, il-Kristjani jemmnu li l-bniedem hu maħluq fix-xbieha t’Alla, u għalhekk jagħrfu d-dinjità ta’ kull bniedem mill-bidu sa tmiem il-ħajja. Il-kmandament t’Alla, ‘La toqtolx,’ hu riflessjoni tal-valur ta’ kull ħajja umana, kemm meta hi ċkejkna u siekta f’ġuf ommha, u anke meta dgħajfa u marradija f’qiegħ ta’ sodda. 'La toqtolx' ifisser le għall-abort u l-ewtanasja. Lit-tarbija fil-ġuf ngħożżuha u nħarsuha; lill-anżjan u l-marid nieħdu ħsiebu u nibqgħu miegħu sal-aħħar nifs.

La toqtolx (Es. 20:13). Kull min ixerred demm il-bniedem, mill-bnedmin demmu jixxerred, għax fi xbiha t’Alla, Alla għamel il-bniedem (Ġen. 9:6).

6.

Alla ħalaq lil Adam u Eva, l-ewwel raġel u mara, fix-xbieha tiegħu. Għalhekk ir-raġel u l-mara huma ugwali quddiem Alla bħala persuni, u fl-istess waqt huma distinti minn xulxin fil-maskulinità u l-femminilità tagħhom. Minkejja id-differenzi ta’ bejniethom, ir-raġel u l-mara jgawdu l-istess dinjità u għalhekk jixirqilhom l-istess unur u rispett. Id-diversità bejniethom m’għandhiex tkun l-okkażżjoni għal kompetizzjoni u tilwim bejn is-sessi; għall-kuntrarju Alla għamilna differenti minn xulxin, irġiel u nisa, biex nikkomplimentaw u nikkooperaw flimkien għall-ġid ta’ kulħadd.

Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu; fuq ix-xbieha t’Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom (Ġen. 1:27). Dakinhar il-Mulej ħalaq il-bniedem, bi xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom, u berikhom u semma isimhom 'Bniedem' meta nħalqu (Ġen. 5:1-2).

7.

L-istorja umana hi ddominata minn oppressjoni u konflitti bejn gruppi differenti, ilkoll jissaraw kontra xulxin. Dan m’għandux ikun. Ejja niftħu għajnejna u naraw f’xulxin ix-xbieha sabiħa tas-Sid li ħalaqna. Ejja nwarrbu kull preġudizzju. Qabelxejn aħna bnedmin, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, nazzjonalità, pożizzjoni soċjali, livell edukattiv, età, diżabbiltà, kulur politiku, kondotta, karattru, orjentazzjoni sesswali, reliġjon u kull kategorija oħra li tista’ taħseb fiha. Int bniedem, u għax bniedem, jien nirrispettak u nħobbok, għax b’hekk inkun nħobb u nagħti ġieħ ’l Alla, li fix-xbieha tiegħu inti maħluq.

Bl-ilsien inbierku lis-Sid u missierna, u bih nisħtu lin-nies, li saru skont ix-xebh t’Alla; mill-istess fomm toħroġ il-barka u s-saħta. Ħuti, dawn il-ħwejjeġ ma jmisshomx ikunu hekk (Ġak. 3:9-10).

8.

Il-waqa’ tal-bniedem fid-dnub ħassret l-immaġni t’Alla fina? Le, mhux għalkollox. Il-bniedem midneb jibqa’ bniedem. Xorta waħda jaħseb, jirranġuna, jagħmel għażliet volontarji u jikkomunika, imma issa ħsibijietu, ir-rieda u l-affezzjonijiet tiegħu huma mtaqqla mid-dnub. Il-bniedem jixbah pittura li fil-bidu kienet wisq sabiħa imma issa ttebbgħet, tinsab imċarta u rrovinata. Il-fidwa tal-bniedem ma tikkonsistix biss fil-maħfra mill-ħtija tad-dnub imma wkoll ir-restawrazzjoni tax-xbieha għall-glorja oriġinali. Ir-restawratur huwa l-Ispirtu s-Santu. Ix-xogħol tat-tiġdid jibda fir-riġenerazzjoni, jitkompla fi proċess ta’ qdusija matul il-ħajja, u jintemm fil-glorifikazzjoni. Fil-fidwa Alla jerġa’ jagħmilna bnedmin kif għandna nkunu.

Ilbistu l-bniedem il-ġdid, li qed jiġġedded għat-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu (Kol. 3:10).

9.

Għall-fidwa tal-bniedem Alla bagħat ’l Ibnu fid-dinja. Ġesù, li min-natura hu tassew Alla, sar ukoll tassew bniedem. Hu ‘xejjen lilu nnifsu, u ħa fuqu s-sura ta’ qaddej, u kien magħmul fix-xbieha tal-bnedmin’ (Fil. 2:7). Ġie fid-dinja bl-iskop ewlieni li joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jeħles lill-poplu tiegħu minn dnubiethom. Għalhekk is-salib! Tant kien imsawwat u maħqur li wiċċu lanqas kien għadu jingħaraf li hu uman. Imma l-mewt ma kinitx l-aħħar kelma; fit-tielet jum Alla qajmu minn bejn l-imwiet. It-tpattija għad-dnub seħħet darba għal dejjem; issa il-bixra tiegħu hi sabiħa u glorjuża.

Wiċċu kien hekk imħassar li ma kienx donnu ta’ raġel, u s-sura tiegħu ma kinitx donnha ta’ wlied il-bniedem (Isa. 52:14).

10.

Tajjeb napprezzaw id-dinjità tagħna bħala bnedmin maħluqin fix-xbieha t’Alla. Madankollu l-waqa’ tal-bniedem fid-dnub ħassret is-sbuħija tal-immaġni oriġinali. Il-bniedem sar midneb. Qalbu hi ribelluża kontra l-Ħallieq; ħsibijietu, għemilu u kliemu jikxfuh. Ir-rebgħa, l-għira, iż-żena, il-gideb, il-ġlied, id-dagħa u s-serq huma sintomi ta’ qalb ħażina. Li ma kienx għall-intervent t’Alla lkoll kemm aħna konna nintremew u nintilfu fid-dlam ta’ barra fl-infern. Imma Alla li hu għani fil-ħniena għoġbu jsejjaħ għalih bnedmin, permezz tal-evanġelju ta’ Kristu, biex jagħtihom qalb ġdida u nadifa. Jagħtihom qalb li tiskerrah id-dnub, ubbidjenti u tħobb tassew. Dan hu ħolqien ġdid. Inti esperjenzajt din it-trasformazzjoni? Inti bniedem ġdid maħluq fix-xbieha t’Alla?

Il-bniedem il-ġdid, li skont ix-xbieha t’Alla hu maħluq fil-ġustizzja u l-qdusija vera (Ef. 5:24).


11.

Kif nista’ nħobb ’l Alla li ma narax? Inħobbu billi nħobb lil għajri li nara u niltaqa’ miegħu kuljum. Ma nagħmilx xbihat minquxa t’Alla u lanqas inservihom għax hekk jikkmandana l-Mulej (Es. 20:4-6). Lil Alla narah flx-xbihat ħajjin li sawwar hu stess. Meta nħobb u nservi lill-bnedmin inkun qed inħobb u nigglorifika ’l Alla għax fuq xbihetu l-bniedem hu maħluq.

‘Sid, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? U meta rajniek barrani u lqajniek, jew għarwien u libbisniek? U meta rajniek marradi jew fil-ħabs u ġejna għandek?’ U s-Sultan iwieġeb u se jgħidilhom, ‘Tassew ngħidilkom, daqskemm għamiltu dan ma’ wieħed minn dawn l-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi’ (Mt. 25:37-40).

12.

Meta staqsewh jekk għandhomx iħallsu t-taxxi lil Ċesri, Ġesù talabhom juruh il-munita tal-ħaraġ. Staqsiehom x’inhi x-xbieha li tidher fuqha. Qalulu, ‘Ta’ Ċesri.’ Allura weġibhom, ‘Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri.’ Imma ma waqafx hemm; Ġesù wieġeb mistoqsija oħra li huma m’għamlux. Huma staqsewh fuq ir-responsabbiltà tagħhom lejn l-imperatur imma ma staqsewx dwar ir-responsabbiltà ewlenija lejn il-Ħallieq. Għalhekk kompla jgħidilhom, ‘U agħtu lil Alla dak li hu t’Alla!’ X’aħna obbligati lejh? X’inhu ‘dak li hu t’Alla’ li messna nagħtuh? Ħares, bniedem, lejk innifsek: ix-xbieha li tidher fik ta’ min hi? Ta’ Alla! Mela agħtih lilek innifsek!

Ippreżentaw lilkom infuskom lil Alla bħala ħajjin mill-imwiet, u offru l-membri tagħkom bħala strumenti ta’ ġustizzja lil Alla (Rum. 6:13).

Min Jien?

Jien bniedem maħluq minn Alla bi skop.
Jien magħmul fix-xbieha t’Alla
biex ngħix għall-glorja tiegħu
u ngawdih għal dejjem.
Ħajti għandha valur tassew,
u għalkemm id-dnub irrovina x-xbieha divina,
permezz ta’ Kristu jien qed inkun restawrat
fl-immaġni sabiħa tal-Ħallieq.
B’hekk biss ngħix ta’ bniedem kif suppost.