It-tazza li tani l-Missier


Pietru ried jiddefendi lil Sidu sabiex ma jarrestawhx. Imma ż-żelu tiegħu kien totalment żbaljat. Infatti Ġesù waqqfu u ċanfru: “Mhux se nixrobha t-tazza li tani l-Missier?”

Ikkonsidra l-ewwelnett din il-mistoqsija mill-perspettiva tal-Missier. It-tazza tat-tbatija u s-soffernzi kienet mogħtija lil Kristu minn Alla. Ġesù sejħilha “it-tazza li tani l-Missier.” Il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu kienu fil-pjan etern t’Alla. Kien il-Missier li bagħat lil Ibnu sabiex ikun il-ħaruf tas-sagrifiċċju. Bla ma kien jaf, Pietru kien qed jeħodha kontra l-pjan divin tal-fidwa tal-bniedem.

It-tieni, mill-perspettiva tal-Iben. Kieku Ġesù rrifjuta t-tazza offruta lilu, kien ikun diżubbidjenti lejn Alla bħalma kien għamel l-ewwel bniedem. Fil-ġnien tal-Għeden, Adam kien jaf il-kmandament t’Alla, u qal le, dineb, u ġab saħta u tant miżerja fuq l-umanità. Fil-ġnien taż-Żebbuġ, Ġesù qal iva lill-Missier, avolja l-ubbidjenza tiegħu kienet tfisser tant tbatija għalih, u b'hekk kiseb ir-rikonċiljazzjoni u l-fidwa.

It-tielet, mill-perspettiva ta’ Pietru. X’kien jiġrilu Pietru kieku Ġesù ma ħaddanx is-salib? F’dak il-każ Pietru ma kienx ikollu Feddej. Ma kien ikollu ebda mezz ta’ ħelsien. Id-dnubiet tiegħu kienu jibqgħu fuq rasu u kien jintemm fl-infern għall-kastig ta’ dejjem. L-istess kien jiġri lili u lilek.

Imma nirringrazzjaw u nfaħħru ’l Alla li tana l-Ibnu l-waħdieni, u niżżuħajr ukoll lil Sidna Ġesù li kien ubbidjenti sal-mewt tas-salib. Hu miet biex aħna ngħixu. Hu kien ikkastigat biex aħna nkunu liberati. Hu xorob il-kalċi morr sal-aħħar qatra sabiex aħna nixorbu l-kalċi tas-salvazzjoni b’tant ferħ u ċelebrazzjoni. Grazzi, Mulej!