Grazzi!

L-Iskrittura tgħidilna, "Irringrazzjaw f’kull ċirkostanza; għax din hi r-rieda t’Alla fi Kristu Ġesù għalikom" (1 Tessalonkin 5:18).

Kemm hi sabiħa l-gratituni! Li tkun taf tgħid grazzi! Mhux bil-fomm biss, imma minn qalbek ukoll. L-ewwelnett tirrikonoxxi x-xita ta’ barkiet li Alla jsawwab fuqek kuljum. Dan biss diġà jnissel fik il-ferħ. Mhux biss, trid tkun umli biex tapprezza l-għotjiet tas-sema. Għax il-kburi jaħseb li hu intitolat; allura ma jirringrazzja lil ħadd. Imma l-umli jaf li ma jistħoqqlu xejn, u allura jilqa’ l-għotjiet minn idejn Alla b’radd il-ħajr. Anzi jifraħ fuq li jifraħ għax fl-għotjiet jara xhieda tal-imħabba u l-għożża ta’ Missieru.

L-Iskrittura tgħidilna biex nirringrazzjaw “f’kull ċirkostanza”. Din iebsa doppjament. Fil-bnazzi għandna ħabta nieħdu kollox for granted. Nidraw il-ġid. Ngħidu aħna, ftit li xejn napprezzaw is-saħħa fiżika sakemm ma nimirdux u nispiċċaw f’qiegħ ta’ sodda.

Mill-banda l-oħra, meta jkun il-maltemp faċilment ingergru, nirrabbjaw u ningħelbu min-niket. Diffiċli l-lezzjoni li nitgħallmu ngħidu, bħal Ġobb, “Il-Mulej ta, u l-Mulej ħa; imbierek ikun isem il-Mulej.”

Għandna ħafna għal xiex nirringrazzjawh. Meta kienu żgħar it-tfal kienu jħobbu jkantaw: “Grazzi ta’ din il-għodwa; grazzi ta’ dan il-jum sabiħ; grazzi ngħid jien lil Alla tiegħi; kollox minnu ġej!” Hekk hu!

Alla sikwit jinqeda bi bnedmin biex jaqdina u jberikna — għalhekk nagħmlu sew li nesprimu l-gratitudni tagħna mal-oħrajn ukoll — fuq ix-xogħol, il-knisja, il-ħanut, u speċjalment id-dar.

Wisq aktar messna nirringrazzjawh għall-barkiet spiritwali: l-evanġelju, il-fidi, il-maħfra; nirringrazzjaw għall-għotja indeskrivibbli — għal Ibnu Ġesù li kien mogħti għalina fuq is-salib għall-fidwa tagħna; u għall-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina, l-adozzjoni bħala wliedu, il-wegħda u t-tama tal-ħajja eterna! Grazzi, Mulej!

Din hi r-rieda t’Alla għalina li aħna “fi Kristu” — għax b'Ġesù aħna konna mifdija u addotti bħala wliedu. Alla l-Missier ma jridx ulied bdabad — ingrati, igergru u arronganti! Alla jieħu pjaċir bi tfal rikonoxxenti, ferħana u umli, u li sikwit idawwru ħarsithom lejh b'radd il-ħajr. Il-gratitudni (flimkien mal-ġenerosità) għadha tkun il-marka distintiva tal-Kristjan.

Popular posts from this blog

Mewta tajba

Aħjar minn Indulġenza Plenarja

L-Indulġenzi