Ġesù Beka
DEDIKAZZJONI
Lil Elizabeth Rose, il-ġenituri tagħha, u n-nanniet li tant iħobbuha.
Fil-vanġelu naqraw li Ġesù beka quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lazzru.
Nistaqsu, ma kienx jaf Ġesù li l-mewt hi realtà li tolqot lill-bnedmin kollha – żgħar u kbar – minħabba s-saħta li ġab id-dnub t’Adam fuq l-umanità? Jew ma kienx jaf li Alla hu Sovran, is-Sid tal-ħajja, u bħalma jagħti l-ħajja, hekk ukoll Alla jeħodha meta jrid hu?
Iva, Ġesù kien jafha t-teoloġija tad-dnub oriġinali u s-sovranità t’Alla; madankollu, meta kien affaċċjat bil-mewt ta’ ħabibu, Ġesù beka.
Intennu, ma setax jekk ried jippreveni l-mewt ta’ ħabibu? Kien fejjaq wieħed għama minn twelidu, infatti Ġesù fejjaq tant nies minn kull xorta ta’ mard, allura ma setax jeħilsu wkoll mill-mewt?
Iva, Ġesù seta’ jfejqu, imma baqa’ ma fejqux, anzi ħallih imut. Meta mbagħad miet, xorta waħda Ġesù beka.
Nistaqsu aktar, ma kienx jaf Ġesu li l-mewt ta’ Lazzru ma kinitx mingħajr skop, imma li permezz tagħha Alla kellu jkun glorifika, u li hu, Bin Alla, kien se jkun igglorifikat; li din it-traġedja kienet se ssaħħaħ il-fidi tad-dixxipli tiegħu, u kienet se twassal tant nies sabiex jemmnu fih? Ma kienx messu feraħ minflok?
Iva, u fil-fatt hekk għamel, Ġesù feraħ, imma f’qalbu kien hemm post għaż-żewġ emozzjonijiet. Ġesù feraħ u beka wkoll.
Nerġgħu nistaqsu, meta ra lil Marija tibki, u ħbiebha jixhru magħha, għaliex ma qalilhomx jisktu u farraġhom fl-hemm tagħhom? Għaliex, għall-kuntraju, huwa wkoll kien imqanqal fl-ispirtu tiegħu u ddisturbat f’ruħu?
Għax bħalma feraħ ma min jifraħ, hekk ukoll Ġesù beka b’simpatija ma’ min jibki.
Imma ladarba Ġesù kien jaf bl-intenzjoni tiegħu li jqajjem lil Lazzru mill-mewt ftit tal-ħin wara, għaliex beka xorta waħda?
Għaliex it-tama tal-qawmien, għalkemm vera u konfortabbli, ma tinnegax li dak il-mument kien wieħed ta’ niket. Għalhekk Ġesù beka.
U finalment, ninnotaw li Ġesù kien ħabib ta’ Lazzru. Kienu iħobbu. Min jaf kemm-il darba talab għalih, min jaf kemm qattgħu ħin fil-kumpanija ta’ xulxin, jitkellmu, jixorbu u jieklu flimkien. Ix-xirka ħelwa ta’ bejniethom kienet l-espressjoni ta’ mħabbithom. Imma issa, kollox kien spiċċa, mhux hekk?
Le. Id-dmugħ ta’ Ġesù huwa xhieda li minkejja l-mewt, l-imħabba ma tbilitx.
Ħuti, ejja nitgħallmu minn Sidna Ġesù. Jiġu mumenti ta’ niket f’ħajjitna. Nistaqsu il-kif u l-għala, u minflok tweġibiet, moħħna jinfaqa’ bi ħsbijiet peżanti. Tibżax. Tista’ tibki. Ġesù beka wkoll. Ġesù jibki miegħek. Id-dmugħ fuq ħaddejk huwa xhieda tal-kompassjoni u l-imħabba li hemm f’qalbek. Ibki, iva, imma tiddisprax.
Ġesù li beka kien l-istess wieħed li biddel id-dulur ta’ Marija u Marta f’għana ta’ ferħ u radd il-ħajr. Fin-niket tiegħek, ibqa’ ttama f’Alla. Ma tkunx diżappuntat żgur, għaliex wara s-salib mdemmi u l-qabar kiesaħ, rebħet il-ħajja. Ġesù qed jgħix. Ġesù hu t-tama tagħna.