L-Istima Għolja ta’ Ġesù għall-Iskrittura



Qed ngħixu fi żmien li fih l-Bibbja hi attakkata minn kull naħa, sikwit minn dawk li jsejħu lilhom infushom Nsara. Imma x’kien jaħseb Ġesù fuqha? Kien jaħseb li fija ineżatezzi u żbalji? Jew kien iqisha bħala blata soda ta’ min joqgħod fuqha?

Dawk minna li nsejħu lilna nfusna segwaċi ta’ Kristu għandna ħafna x’nitgħallmu mill-attitudni tal-Imgħallem għall-Kotba Mqaddsa.

Blata Soda

Ġesù kellu l-ogħla rispett lejn l-Iskrittura. Fid-diskors tal-muntanja, Ġesù ma biddel xejn mit-tagħlim tat-Testment il-Qadim, imma saffih mit-tifsira żbaljata u ż-żieda tal-għalliema Lhud. ‘La taħsbux li ġejt biex neqred il-liġi, jew il-profeti: jien ma ġejtx biex neqred iżda biex inwettaq. Għax tassew ngħidilkom: sakemm jgħaddu s-sema u l-art, jota waħda jew nitfa waħda ma titneħħiex mil-liġi, sama jseħħ kollox’ (Mattew 7:17,18).

Skond Ġesù xejn mit-tagħlim tal-Bibbja ma jista’ jiġi nieqes, u kulma kien profetiżżat dwaru kien se jitwettaq kollu. ‘Jeħtieġ li jseħħu l-ħwejjeġ kollha, li nkitbu fil-liġi ta’ Mosè, u fil-profet, u fis-salmi, fuqi’ (Luqa 24:44). Altru li ma kienx jaħseb li l-Bibbja tista' tkun żbaljata! Kien żgur li l-Iskrittura hi Kelma ta' min joqgħod fuqha.

L-Ogħla Awtorità

Fit-tagħlim tiegħu Ġesù kien ta’ spiss jirreferi għall-Iskrittura. ‘Ma qrajtux din l-Iskrittura,’ kien jistaqsi lis-semmiegħa tiegħu (Mark 12:10). Kien jistenna minnhom li jkunu jafu t-tagħlim tal-Kotba Mqaddsa. Kristu kien iżomm il-poplu t’Alla u l-mexxejja reliġjużi responsabbli biex jgħallmu, jemmnu u jobdu l-Kelma t’Alla miktuba fl-Iskrittura, u ċanfarhom għax effettivament kienu warrbu l-Iskrittura bit-tradizzjonijiet tagħhom (Mark 7:1-13).

L-Iskrittura kienet għalih il-ġwida morali u spiritwali. Meta kien imġarrab fid-deżert, Ġesù ħa d-deċiżjonijiet tiegħu skond it-tagħlim tal-Iskrittura, u għal tlett darbiet stqarr, ‘hu miktub... terġa’ hu miktub... għax hu miktub’ (Mattew 3:3; 4:4,7,10).

Kien juża l-Iskrittura bħala l-għajn u l-kejl tat-tagħlim etiku u spiritwali. Meta l-Lhud staqsewh fuq id-divorżju, weġibhom: ‘Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara?’ (Mattew 19:4). Sabiex iċanfarhom minħabba l-qima falza, Ġesù qalilhom: ‘Hu miktub, Dari tissejjaħ dar it-talb; iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin’ (Mattew 21:13).

Meta ried jikkoreġi t-teoloġija tas-Sudduċej, qalilhom; ‘Kemm sejrin żball għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa t’Alla,’ waqt li rreferihom għall-ktieb tal-Esodu. U kompla: ‘Ma qrajtux dak li qalilkom Alla, li jgħid: Jien hu Alla ta’ Abraham’ (Mattew 22:29ff). Il-kliem tal-Iskrittura, għalkemm miktub sekli qabel, kien il-messagg t’Alla għalihom fi żmienhom. L-istess nistgħu ngħidu aħna: l-Iskrittura hi l-Kelma t’Alla għalina llum!

Xhieda għal Ġesù

Meta ried jgħallimhom fuqu nnifsu, ikkwota mis-Salmi u qalilhom: ‘David, imnebbaħ mill-Ispirtu, isejjaħlu Sidu’ (Mattew 22:41). Darba oħra, meta l-Lhud akkużawh b’dagħwa għax saħaq li hu Bin Alla, Ġesù weġibhom, ‘Fil-liġi tagħkom ma hemmx miktub...? L-Iskrittura ma tistax titħassar’ (Ġwanni 10:34,35). U sabiex jgħallem lid-dixxipli t-tifsira tal-passjoni u l-mewt tiegħu, ‘beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu’ (Luqa 24:27). Infatti Ġesù għallem li hu nnifsu kien il-messaġġ ewlieni tal-Iskrittura. ‘Fittxu fl-Iskrittura; għax fiha taħsbu li għandkom il-ħajja ta’ dejjem; hija hi li tagħti xhieda tiegħi’ (Ġwanni 5:39). Jekk irridu nagħrfu lill-Mulej Ġesù, irridu nitgħallmu l-Ktieb li jitkellem fuqu.

Fi ftit kliem ...
  1. L-Iskrittura hi l-Kelma awtentika t’Alla għalina llum; il-verità ċerta li ma tinbidel qatt.
  2. L-Iskrittura hi l-ogħla awtorità – 'il fuq mit-tradizzjoni u l-opinjoni umana.
  3. Il-Bibbja hi x-xhieda t’Alla għal Ibnu Ġesù, biex nifhmu min hu u x’għamel, sabiex nemmnu fih għall-ħajja eterna.