Il-Milied u l-Materjaliżmu
Bil-kelma materjaliżmu qed nirreferi għall-filosofija tal-ħajja tal-ġenerazzjoni moderna.
Ħafna żgħażagħ ma jimporthomx mit-twelid ta’ Ġesù, u wisq anqas jemmnu li dan it-tfajjel twieled minn omm verġni. Għal ħafna minnhom il-grajja tal-Milied, bħal Santa Klaws, huma ħrejjef tat-tfal żgħar. Ma tagħtihomx tort sa l-aħħar. Trabbew f’kultura li aktar ma jmur aktar qiegħda issir materjalista, fejn ir-realtà tikkonsisti biss mill-ħwejjeġ li jaraw għajnejna u nħossu b’idejnna — u daqshekk.
l-kanzunetta ‘I’m a material girl, and I live in a material world’ tesprimini sew l-attitudni tagħhom għall-ħajja. Jien materjali u ngħix f’kuntest materjali. Dak kollox. M’hemm xejn iżjed. Il-ħajja hi vjaġġ qasir minn Mater Dei sal-Addolorata. Imbagħad addio kollox.
Iż-żagħżugħ modern jixbaħ għasfur li trabba ġo gaġġa. Għandu l-istint li jtir iżda meta tħajjar iferfer ġwinħajh tqatta’ mal-fidiferru u nstelaħ. Id-dinja tiegħu hi limitata b’konfini tal-metall. L-ispazju tiegħu huwa pied kwadru. Ma jafx xi jfisser il-libertà ta’ sema miftuħ. Ma jafx xi jfissru s-siġar, l-għoljiet, is-sħab, ir-riħ u x-xemx, u peress li ma jesperjenzax din ir-realtà, jassumi li ma teżistix.
Lanqas biss jikkonsidra l-possilità ta’ realtà spiritwali lil hemm mill-fiżiku. Qatt ma ħareġ minn dik il-gaġġa u għax fl-għeluq ta’ ħajtu ma jsibx ’l Alla, konvint li la hemm Alla u lanqas xejn għajr il-fiżiku. Għalhekk ma jemminx, u ma jistax jemmen, fit-twelid verġni ta’ Ġesù għax ma jemminx f’Alla li jista’ jwettaq miraklu bħal dak.
X’jiċċellebraw fil-Milied iż-żgħażagħ Maltin? It-twelid tal-Feddej, il-miġja tal-Iben t’Alla fid-dinja? Le! X’jiċċelebraw mela? It-twelid naturali ta’ tarbija mal-eluf oħra li jitwieldu kuljum? Forsi t-twelid ta’ tarbija illeġittima? Ħrafa qadima? Lanqas! Il-Milied hu skuża oħra biex jagħmlu party, jieħdu buzz u jsiru patata — għax ħlief materjaliżmu ma jafux!
Ġesù jikkontradixxi l-filosofija materjalista u jfarrak il-premessa ewlenija tal-ħajja moderna. Ir-realtà hi wisq aktar minn dak li naraw. Ġesù hu l-aqwa xhieda ta’ dan. Dak li sar bħall-ħlejjaq, huwa l-Ħallieq. Dak li daħal fl-isfera taż-żmien, hu etern. Dak il-bnieem tad-demm u l-laħam bħalna, hu Alla!
Ġesù joffri alternattiva għad-disperazzjoni tal-ħajja moderna. Ifejjaq il-ġwienaħ miksurin bid-dnub u jiftaħ beraħ il-gaġġa biex intiru u nogħlew ’l fuq lejn is-smewwiet, u ngawdu l-ħbiberija u l-imħabba ħelwa t’Alla.
Il-prezz? Gratis! Kristu jagħti b’xejn il-maħfra u l-ħajja lil dawk li jilqgħuh bil-fidi. Il-fidi tixbaħ par idejn li jirċievu riġal mingħand ħabib. Imma biex nilqgħu dan il-rigal ta’ Kristu jeħtieġ nitilqu minn idejna l-materjaliżmu li s’issa tant għożżejna.
