Ħajja bis-sens


Ifirħu ma’ min jifraħ, tgħidilna l-Iskrittura, u ibku ma’ min jibki. Mhux l-ewwel darba li jkolli nagħmel it-tnejn fl-istess jum. Issa nifraħ mal-ġenituri fit-twelid tal-ewwel tarbija tagħhom, u ftit wara nibki ma’ ġenituri oħrajn għat-telfa tat-tifel jew tifla tagħhom.

Tgħallimt mill-esperjenza nifraħ u nibki fl-istess jum. Il-ħajja hi taħlita tat-tnejn, is-sabih u l-ikraħ, ta’ żfin u luttu, ta’ ħelu u morr. Ma nistgħux nistennew sakemm kollox ikun perfett qabel nitbissmu. Ikun kollu għalxejn, għax f’din id-dinja qatt mhu se jkun ‘kollox’ tajjeb.

Mill-banda l-oħra, fl-għawġ u t-tbatija m’għandniex naqtgħu qalbna, għax anke fis-siegħa l-aktar mudlana, ifiġġ raġġ ta’ dawl. Aħseb fuq Ġesù. X’qawwih waqt il-passjoni? L-Iskrittura tgħidilna li kien minħabba l-ferħ imqiegħed quddiemu li Ġesu sofra s-salib. Il-ferħ ma kienx il-bogħod anke fl-agunija!

Hekk hi l-ħajja. Bħal Ġob jeħtieġ nitgħallmu nilqgħu minn idejn il-Mulej sew it-tajjeb kif ukoll il-ħażin. Mhux faċli, imma żgur mhux impossibbli jekk f’kull okkazzjoni nżommu ‘l Alla quddiem għajnejna. Fil-ferħ nirringrazzjawh mill-qalb għall-għotjiet tajba tiegħu, waqt li fin-niket, nafdawh u nżommu aktar sod miegħu.

Jekk ninjoraw 'l Alla, il-ferħ ikun biss frugħa ta’ mument, filwaqt li n-niket iwassal għad-disprament. Imma meta hemm Alla f'qalbna, il-ferħ hu aktar ferrieħi; filwaqt li n-niket u t-tbatija ma jibqgħux daqshekk tqal għax hu stess jgħinna nerfgħu ll-piż.

Nitlob lill-Mulej jgħallimni nimxi ‘coram Deo’ – konxju tal-preżenza t’Alla miegħi. Teħodni fejn trid l-id moħbija tal-providenza tiegħu - fil-mergħat iħaddru jew fil-wied ta’ dell il-mewt - ħaġa waħda biss importanti, li Alla hu miegħi.

Din ħajja ta’ min jgħixha; din hi l-unika ħajja li tagħmel sens.