L-iskop ta' ħajjitna


X’inhu l-iskop ta’ ħajjitna? Imħabbtin u aljenati b’ħafna ħwejjeġ, qajla nieqfu nirriflettu fuq din il-mistoqsija ewlenija. Jew forsi nibżgħu naħsbu fuqha bis-serjetà — x'valur jista' jkollha l-ħajja jekk hi biss vjaġġ qasir li jintemm fil-qabar?

Xi ħaġa fina tirribella kontra prospett bħal dan. F’qalbna hemm il-ħsieb tal-eternità. Ninġibdu lejn s-sabiħ u jogħġobna t-tajjeb, u nixtiequ nibqgħu ngawduhom għal dejjem. Ruħna tixxennaq għall-imħabba, u ma tixba’ qatt minnha.

Imma kif nistgħu nkunu nafu fiż-żgur? Forsi qed inħallu x-xewqat psikoloġiċi tagħna jqarrqu bina billi nivvintaw ħrejjef reliġjużi sbieħ biex nissodisfaw l-aspirazzjonijiet tagħna?

Għalina li nafdaw fil-Mulej Ġesù, it-tweġiba mhix ‘l bogħod. Ġesù qal, “Jien hu t-Triq.” Din hi l-missjoni tiegħu: li jwassalna għad-destin li għalih konna maħluqin.

Qalilna ċar x’inhu dan l-iskop. “Jiena t-triq, u s-sewwa, u l-ħajja: ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief bija.” Li mmorru għand il-Missier - dan hu l-iskop tagħna - li nagħrfu 'l Alla, induqu l-imħabba ħelwa tiegħu u nitgħaxxqu bis-sbuħija tiegħu.

Il-qalb umana ma ssibx serħan ħlief f’Alla. “Bħalma għażżiela mlebilba għall-ilma ġieri, hekk ruħi hi mlebilba għalik, o Alla” (Salm 42:1). Ħelwin u prezzjużi l-għotjiet tiegħu – il-ferħ u l-għożża tal-familja, il-ħbieb, l-ikel, is-saħħa u l-ħolqien meraviljuż – imma wisq oħla huwa Alla nnifsu. Xejn u ħadd ma jista’ jikkompeti miegħu. “Min għandi fis-sema ħliefek? U m’hemm ħadd fl-art li nixtiequ ħliefek” (Salm 73:25).

Ġesù jinsisti li hu biss it-triq, li ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief bih. Dan il-kliem ma jdoqqx f’widnejna. Wieħed ħassieb esprima l-idea popolari li bħalma wieħed jista’ jitla’ fuq bejt ta’ dar permezz ta’ sellum, taraġ jew ħabel, hekk ukoll hemm diversi mezzi u reliġjonijiet biex tilħaq 'l Alla.

Il-filosfu jista' forsi jirnexxielu jitla’ fuq il-bejt bil-ħabel. Hemm fuq jiltaqa’ ma’ reliġjuzi oħra li jaħsbuha bħalu, iżda m’Alla jiltaqa’? Alla ma jgħammarx fuq il-bejt, iżda fl-ogħla smewwiet, fid-dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh. Pont wieħed ilaħħaq id-distanza infinita bejn il-ħlejqa u l-ħallieq, bejn il-midneb u Alla qaddis. Dan il-pont hu Ġesù Kristu.

Ġesù huwa t-triq għax hu Emanuel, Alla magħna. Ġesù huwa t-triq għax hu ta lilu nnifsu fuq is-salib, biex inaddaf il-poplu tiegħu minn dnubiethom u jagħmilhom denji biex jersqu fid-dawl tal-glorja tal-Missier.

Ħabib, għaraf lilek innifsek. Għaraf l-iskop veru li għalih kont maħluq, u tibdlu ma xejn. Isma’ l-istedina ta’ Kristu. Hu jnaddfek minn kull ħażen u jħabbek m’Alla l-Missier. Tipprovax tissodisfa ruħek b’dak li ma jxebbax. Int maħluq għal Alla — permezz tal-fidi fi Kristu inti ssib il-milja ta’ ħajtek.

Nixtieq noffrilek kopja b'xejn tal-ktejjeb
Lejn il-Missier