Il-Ħidma t’Alla u l-Opri Tagħna

Ħadd qatt ma jista' jiftaħar li kiseb is-salvazzjoni bl-opri u l-ħila tiegħu.

L-Iskrittura tgħid ċar: ‘Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b'don ta' Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar’ (Efesin 2:8-9).

Xi ngħidu mela, li aħna l-Insara m’għandniex bżonn nagħmlu t-tajjeb ladarba m’aħniex salvi bl-opri? Jew forsi li nistgħu nibqgħu ngħix fid-dnub? Allaħares! Ideat bħal dawn huma ċ-ċaħda tal-evanġelju għax l-istess Skrittura tkompli tgħid, ‘Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu’ (Efesin 2:10).

Ħafna drabi l-iżball iseħħ għax issir enfasi fuq verità partikolari tant li tkun injorata jew miċħuda verità oħra. Din l-iskrittura tħarisna min ideat estremi dwar il-ħidma t’Alla u l-ħidma tagħna fis-salvazzjoni.

L-ewwelnett ninnotaw li s-salvazzjoni mhix bis-saħħa tagħna, ‘mhux bl-opri’. Alla mhu midjun ma’ ħadd. Ma jsalvaniex bi ħlas għall-għemejjel u l-isforzi tagħna, imma bi grazzja, b’favur li ma jistħoqqilniex. Dan hu wisq diffiċli biex nilqgħuh. Nippretendu li m’aħniex daqhekk ħżiena u nimmaġinaw li bi ftit għajnuna minn Alla kapaċi naslu. Imma l-Iskrittura tifqalna l-bużżieqa tal-kburija tagħna. Mhux bis-saħħa tagħkom, jgħidilna Alla, mhux bl-opri biex ħadd ma jiftaħar!

Jekk għandna niftaħru ħalli niftaħru bil-Mulej għax is-salvazzjoni hi l-opra tiegħu. In-nies salvati jistaqarru bil-ferħ li ‘aħna ħolqien tiegħu’. Is-salvazzjoni tal-midneb hi opra wisq akbar mill-ħolqien tal-univers, u din il-ħidma wettaqha Alla, mhux aħna, permezz ta’ Ibnu. Ġesù ħalla l-glorja tas-sema, sar bniedem, u offra ġismu u demmu fuq is-salib għall-fidwa tal-poplu tiegħu. Mela s-salvazzjoni mhix il-ħidma tagħna l-bnedmin għax hi l-ħidma ta’ xi ħadd ieħor; is-salvazzjoni hi l-ħidma t'Alla.

B’daqshekk ma jfissirx li wlied Alla huma qiegħda u bla xogħol. Alla jeħles l-ilsiera tad-dnub biex mill-qalb jaqdu lilu fil-ġustizzja u s-sewwa. L-ewwel il-Bibbja tgħid li s-salvazzjoni ‘mhux bl-opri’, u immedjatament wara tkompli, ‘biex nagħmlu l-opri tajba.’ Fi kliem ieħor, l-opri tajba m’humiex l-għerq imma l-frott tas-salvazzjoni.

Fi ftit kliem ...
  • Niżbalja jekk ngħid li nemmen fi Kristu waqt li nfittex nagħmel l-opri tajba biex nimmerita s-salvazzjoni. Opri bħal dawn, avolja tajba fihom infushom, huma ċ-ċaħda tal-fidi. Bihom inkun ngħid lil Kristu, ‘Jien ma nafdakx biżżejjed; jien qed naħdem biex nimla fejn ħallejt nieqes int.’
  • Niżbalja wkoll jekk ngħid li nemmen fi Kristu waqt li ħajti hi xagħri spiritwali. In-nixfa mill-opri tajba u x-xewk tad-dnub huma xhieda li 'fidi' bħal din hi mejta u ma twassal imkien ħlief għat-telfien.
  • Jeħtieġ mela nitlaq l-opri min idejja sabiex bil-fidi naqbad ma' Kristu għall-maħfra u ħelsien, u minn hemm ‘il quddiem, b’idejn indaf naħdem it-tajjeb f’ubbidjenza lejn Alla u bi gratitudni għall-imħabba tal-għaġeb tiegħu.