DVD tal-Futur

It-tifel issa dalwaqt jagħlaq erba’ snin. Dan l-aħħar John talabna xi ħaġa mhix tas-soltu. Ried jara video tal-futur!

Kien qed jara DVD ta’ meta kien għadu tarbija tat-twelid. Affixina ruħu jara lil ommu tqila u lilu nnifsu daqs naqra. X’ħin spiċċa qalilna, ‘Mama nara DVD John kbir.’

Nimmaġina li rraġuna: ladarba nistgħu naraw il-passat, għaliex ma nistgħux naraw il-futur ukoll? Interessanti, imma għalissa għadu ma jistax jarah għax dak id-DVD għadna qed naħdmu fuqu.

Hemm diversi films fittizji fuq il-futur, imma hemm wieħed li huwa veru u ġenwin. Alla, l-awtur tal-istorja u li jaf it-tmiem mill-bidu, tana album b’diversi xeni mill-passat u oħrajn li għad iridu jseħħu.

Fil-Bibbja għandna ritratt mill-isbaħ taż-żjara ta’ l-Iben etern t’Alla fid-dinja meta twieled mill-verġni mbierka. Ritratti oħra juru l-imħabba u l-qawwa ta’ Ġesù speċjalment fl-għemejjel ta’ ħniena u fil-mirakli li għamel. Naraw ukoll xeni koroh tal-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib. L-aħħar ritratt f’dan l-album mhux tal-qabar; hemm ukoll ritratti tal-qawmien glorjuż u t-tlugħ u r-renju tiegħu fis-sema.

Dawn il-ġrajjiet diġà seħħew, imma l-Iskrittura tiftħilna wkoll tieqa biex nittawlu fil-futur u turina kif Ġesù għad jerġa’ jiġi, mhux aktar fil-faqar, umiltà u oskurità, imma fil-glorja u bis-setgħa tas-Sultan tas-slaten. Dakinhar tarah kull għajn, kull irkoppa tmil quddiemu, u l-ħlejjaq kollha jistqarru li Ġesù Kristu hu l-Mulej. Meta jerġa’ jiġi l-Mulej se jagħmel ħaqq minn kulħadd, jikkundanna lill-ħżiena fl-infern, u jippremja u jieħu miegħu l-Ġenna lil dawk li jħobbuh u jafdaw fih.

X’parti se jkollna aħna fl-aħħar xeni tal-istorja? Is-sehem tagħna dakinhar jiddependi minn kif inwieġbu llum lill-Iben t’Alla. Lil dawk li jilqgħuh fl-ewwel avvent billi jafdaw ruħhom f’idejh u jimxu warah, Ġesù jilqagħhom fit-tieni miġja. Lil dawk li jistħu minnu llum, hu jistħi minnhom f’dak il-jum.

Id-dixxipli ta’ Kristu għandhom xewqa kbira li jaraw l-aħħar u l-isbaħ episodju tal-istorja tal-fidwa. Irridu naraw id-DVD tal-futur, għax aħna qed ‘nistennew dik it-tama mbierka, u d-dehra glorjuża t’Alla l-kbir, u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu’ (Titus 2:13).

Minn qalbi nixtieq lil kulħadd l-hena u s-sliem tal-Mulej.