Il-ferħ tal-ġenerosità
Ġie f’idejja studju interessanti li juri li t-tfal żgħar jifirħu aktar meta jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor milli meta jirċievu xi rigal huma. Mhux biss, din ir-riċerka turi wkoll li dawn it-tfal kienu l-aktar ferħana meta taw mill-affarijiet tagħhom stess. Fil-passat saru studji simili fost l-adulti u t-tfal akbar — ilkoll juru l-istess ħaġa; dawk li huma l-aktar ġenerużi huma wkoll aktar ferħanin.
M’hemmx xi ngħidu, kulħadd jixtieq ikun ferħan, imma min ħsiebu biss biex jakkwista għalih innifsu, ma jsibx il-ferħ mixtieq. Qabelxejn jeħtieġ jitgħallem jiftaħ qalbu u jdejh għal ħaddieħor biex isib il-kuntentizza. L-istudji xjentifiċi hekk juru, u aktar importanti, l-istess qal l-Mulej Ġesù, ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jirċievi’ (Atti 20:35).
Din il-verità trid tesperjenzaha biex temminha. Għandna kemm irridu opportunitajiet biex nagħtu – mhux biss flus, imma wkoll mill-ħin u l-ħiliet tagħna, jew donazzjoni tad-demm. Ilbieraħ waqqfitni mara fil-kuritur ta’ Mater Dei. Mitlufa. Staqsietni għall-out-patients tal-għajnejn. Għidtilha tiġi miegħi u ħadtha fejn kellha bżonn tmur. Ma nafx kemm damet tirringrazzjani. M'għamilt xejn straordinarju imma ħassejtni kuntent li għintha.
Issa jekk dan hu minnu, li aktar hu hieni min jagħti milli min jirċievi, nistaqsi, ‘X’kien l-iskop li Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja, u għalfejn Kristu ta lilu nnifsu fuq is-salib?'
It-tweġiba tas-soltu hi, “Alla tana lil Ibnu biex jiksbilna l-ħajja ta’ dejjem. Kristu miet fuq is-salib għalina biex jifdina minn dnubietna.” Naturalment dan kollu minnu, imma t-tweġiba tiffoka fuqna li rċivejna u mhux fuq Alla li ta. X’kien mela l-iskop għal Alla ta’ sagrifiċċju hekk kbir? X’kiseb hu mis-salib?
L-Iskrittura tweġibna li “għall-ferħ imqiegħed quddiemu, Ġesù sofra s-salib, bla ma qies xejn l-għajb tiegħu” (Lhud 12:2). Ġesù ġarrab il-passjoni u l-mewt għax kien jaf li wara s-sagrifiċċju kien hemm jistennieh il-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem. Kristu jifraħ fis-salvazzjoni tagħna, u għall-glorja li kiseb għall-Missier.
F’post ieħor Pawlu jsemmi “l-evanġelju tal-glorja t’Alla l-imbierek” (1 Timotju 1:11). Il-kelma “imbierek” tfisser "hieni". Alla hu perfettament hieni. Imma dan l-istess Alla, fil-grazzja tiegħu, għoġbu jaqsam il-ferħ tiegħu magħna billi tana lil Ibnu u sawwab fuqna kull barka spiritwali fi Kristu.
Meta l-iben il-ħali rritorna d-dar, missieru wera ħniena u ġenerożità kbira. “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu,” qal. Din hi l-attitudni t’Alla l-Missier meta jaħfrilna u jagħtina kull ġid. Mhux ta’ b’xejn nsejħulu Alla l-imbierek ... Alla ferħan!
Aktar ma nitgħallmu nkunu ġenerużi bħal Missierna, aktar nixxierku fil-ferħ tiegħu.
