L-Ilwien tal-Fidi

Waqt konversazzjoni bejn it-tifel, meta kellu 5 snin, u ommu:

John: Mamà, id-dinja sabiħa.
Joanne: X’jogħġbok l-aktar fid-dinja?
John: Il-kuluri!

Lili wkoll jogħġbuni l-kuluri.
  • Il-blu jfakkarni fil-baħar u s-sema, il-ħolqien meraviljuż t’Alla.
  • L-iswed, fid-dnub li waqajna fih u d-dalma li ġab miegħu.
  • L-aħmar, fid-demm li Kristu xerred għall-maħfra tad-dnubiet.
  • L-abjad, fil-wegħda t'Alla li jaħfer lil dawk kollha li jduru lejh: "dnubietkom isiru bojod bħas-silġ" (Isaija 1:18).
  • L-aħdar, ifakkarni fir-Ragħaj li joħroġ in-nagħaġ tiegħu jirgħu f’mergħat iħaddru.
  • U fl-aħħar, jogħġobni l-isfar, għax ifakkarni fil-kuruna dehbija ta’ Ġesú, is-Sultan tas-slaten.
Iva, jogħġbuni l-kuluri kollha: l-aħmar, l-oranġjo, l-isfar, l-aħdar, il-blu, l-indigo u l-vjola ... għax il-qawsalla, bħal fi żmien Noè, tfakkarni fil-fedeltà t’Alla. Alla jwettaq il-wegħdi tiegħu. Jekk sabiħa d-dinja t’issa minkejja l-konsegweni koroħ li ġab id-dnub fuq il-ħolqien, kemm se tkun isbaħ id-dinja li ġejja għal dawk kollha li jħobbuh.

"Aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja" (2 Pietru 3:13).