Stedina minn Alla


Ir-rigali li nagħtu lil xulxin u lit-tfal fiż-żmien tal-Milied għandhom jfakkruna fl-akbar għotja li Alla ta lill-umanità. Alla hekk ħabb lid-dinja li ta l-Ibnu l-waħdieni! Lilna lkoll Allla jistedinna nilqgħu lil Ibnu bil-fidi biex fih niksbu l-ħajja eterna.

  "Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
  intom ukoll li m'għandkomx flus.
  Ejjew, ixtru u kulu b'xejn,
  nbid u ħalib bla ħlas.
  Għaliex taħlu fluskom f'dak li m'huwiex ħobż,
  u ġidkom f'dak li ma jxebbax?
  Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
  u ruħkom titpaxxa b'ikel bnin.”
  (Isaija 55:1, 2)

Madankollu ħafna jibqgħu ma jixorbux mill-ilma tal-ħajja li Ġesù qed joffrina, u lanqas jieklu minnu, il-Ħobż ħaj, biex jissodisfaw ruħhom bih.

Meta kont żgħir mhux dejjem kont nobdi lil ommi, imma meta kienet issejjħilna, ‘Ejjew kulu,’ bilkemm tkun laħqet spiċċat il-kelma li ma ssibnix bilqegħda mal-mejda. Kont tifel f’aptiti u kien jidher fija wkoll!

Għalhekk ma nifhimx l-apatija ta’ tant nies li minkejja li jisimgħu l-evanġelju jibqgħu passivi, bla ma jimportahom xejn mill-istedina tal-Mulej. Imma għaliex? Żgur li mhux għax mhix aħbar tajba. Il-Mulej jistieden lil kulħadd għall-pranzu kbir b’xejn, bla ħlas.

Għaliex mela ma jiġux? Forsi għax huma wisq imħabbtin? Jew għax ma jisimgħux leħnu fost l-istorbju u l-ġenn tal-ħajja? Jew forsi m’għandhomx ġuħ għax imlew żaqqhom bil-ġid materjali, bir-reliġjon, xogħol, studju jew divertiment?

Ma jiġux għax mingħalihom diġà għandhom kulma jridu. Jidhrilhom li ma jonqoshom xejn għax diġà sinjuri!

Kien għalhekk li fil-Manifikat Marija faħħret’l Alla għal dak li għamel magħha u mal-poplu tiegħu. “Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ.” Fl-istess ħin Marija semmiet ukoll il-ġudizzju fuq dawk kollha li huma minfuħin bihom infushom: “U l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn” (Luqa 1:53). Alla ma jagħtix il-grazzja lill-kburin.

Għalissa ma jindunawx li l-għana kollu tagħhom hu biss faqar. Jasal il-Jum li fih jintebħu bl-għera tagħhom meta Alla jibgħathom ‘l barra fid-dlamijiet ta’ dejjem.

Imma dak il-Jum għadu ma wasalx. Illum jum ta’ grazzja u salvazzjoni. L-istedina għadha miftuħa għal kulħadd.

Jien doqt kemm hu tajjeb il-Mulej, u rrid aktar u aktar minnu. U inti, ħabib, x’għamilt? Jekk qalbek għadha mtaqqla bid-dnub, jekk il-ħajja tidher bla sens, jekk fil-folla tħossok waħdek, isma’ nitolbok is-sejħa ta’ Kristu, u mur għandu biex tikseb il-maħfra, il-ħajja u l-imħabba ħelwa tiegħu.