Fil-Bidu Alla

 

"Fil-bidu Alla..." Dawn huma l-ewwel kelmiet tal-Bibbja Mqaddsa. Jgħarrfuna l-oriġini tal-univers, u jagħtuna wkoll il-perspettiva tajba għal ħajjitna.

Aktar ma jgħaddi żmien is-soċjetà Maltija qed issir aktar sekulari. Lil Alla qed nagħtuh il-ġenb. Naħsbu li nistgħu nirregolaw ħajjitna kif irridu aħna mingħajr ebda referenza għall-liġi t’Alla u mingħajr ma nfittxu l-għajnuna tiegħu. Naħsbu li bix-xogħol u l-għaqal tagħna nistgħu nagħmlu suċċess u nsolvu kull problema. Qed nidħku bina nfusna.

Ma rridx nipponta subgħajja lejn is-soċjetà mingħajr ma nħares b’onestà lejja nnifsi. Jien nemmen f’Alla imma fil-prattika sikwit inġib ruħi qisni ateist. Mħabbat b’elf ħaġa, ġieli tgħaddi ġurnata sħiħa mingħajr ma naħseb wisq fih, qisu Alla ma jeżistix.

Imma jien waħdi ma nista’ nagħmel xejn sew. Jien twelidt il-bieraħ; Alla kien fil-bidu, qabel il-ħolqien. Jien ma tajtx il-ħajja lili nnifsi; kien Alla li fil-bidu ħalaq is-sema li nara hemm fuq; kien hu li ħalaq l-art li nimxi fuqha; kien hu li tani l-ħajja u qed iżommni ħaj.

Jien niddependi kompletament fuq Alla u għalhekk għandi dmir nobdih, nirringrazzjah u nagħtih qima. Nammetti li mhux dejjem weġġaħtu u li sikwit ksirt il-kmandamenti tiegħu. Jien midneb. Nagħmel kuraġġ biss għax Alla hu għani fil-ħniena.

Għal darb'oħra Alla ħa l-inizzjattiva meta bagħat 'l Ibnu Ġesù biex jagħti ħajtu fuq is-salib għall-fidwa ta' ħafna. Kien Alla li bl-evanġelju u l-Ispirtu sejjaħli; hu tani qalb ġdida, ħafirli u laqgħani fi ħdanu.

Għalhekk għandi raġuni fuq oħra biex nirringrazzjah u nobdih – ħalaqni u ħafrili; hu l-Ħallieq u l-Ħellies tiegħi. Għalhekk irrid lil Dak li kien ‘fil-bidu’ – fil-bidu tal-ħolqien u fil-bidu tal-fidwa – jkun quddiem nett f’ħajti biex imexxini u jeħodni fejn irid hu.

Lilek u lill-maħbubin tiegħek, nawguralkom l-istess viżjoni – li f’ħajjitkom Alla jkun dejjem l-ewwel.