Għaliex ħallejtni?

Qatt ħassejtek waħdek u mwarrab minn kulħadd, saħansitra anki minn ħbiebek u qrabatek? Forsi ġew mumenti meta donnu Alla wkoll ħeba wiċċu minnek.

Il-Mulej Ġesù esperjenza t-tbatija u l-waħx tas-solitudni bħalna u wisq aktar milli qatt ħassejna aħna. Fuq is-salib Ġesù talab, ‘Eli, Eli, lama sabaqtani?’ (Mattew 27: 46). Għajta aktar misterjuża u tal-biża’ qajla qatt ħarġet minn fomm ta’ bniedem.

Qabel Ġesù kien qal, ‘Missier aħfrilhom’ – dan il-kliem nifhmuh faċilment għax jaqbel sew mal-qalb tajba tiegħu, anki ma’ dawk li jobogħduh.

Imbagħad lill-ħalliel mislub ħdejh qallu, ‘Illum tkun miegħi l-Ġenna’ – dan ukoll nifhmuh għax jaqbel sew mal-ħniena u l-maħfra ta’ Ġesù għal dawk kollha li jindmu u jduru lejh.

Mill-ġdid, lil Marija qalilha, ‘Mara, ara ibnek’ – ma setgħax jonqos li Ġesù jaħseb għal ommu biex wara t-tluq tiegħu jkollha min jieħu ħsiebha.

Imma meta reġa’ fetaħ fommu kliemu kien karba ta’ uġigħ u tkexkix mill-aktar profond u diffiċli wisq biex nifhmuh.

Ħafna sekli qabel is-salmista stqarr li ‘kont żagħżugħ u issa xjieħt imma qatt ma rajt il-ġust minsi’ (Salmi 37:25). Imma fuq is-salib il-Ġust kien minsi minn Alla – hu li qatt m’għamel l-iċken dnub, li dejjem wettaq ir-rieda tal-Missier, u li fih il-Missier issib l-għaxqa tiegħu. F’dik is-siegħa mudlama il-Missier telaq lil Ibnu. ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex ħallejtni?’

Għaliex? Kif jista’ jkun li Alla l-Missier jagħti dahru għal Ibnu l-Maħbub?

L-Iskrittura tgħidilna għaliex ħallieh. Telqu għax Alla tefa’ fuqu l-ħażen tal-poplu tiegħu (Isaija 53:6). Kien ħaqqna aħna nieħdu l-kastig għal dnubietna u nitwarrbu mill-preżenza t’Alla fid-dlamijiet ta’ dejjem. Imma Kristu ħa fuqu d-dnubiet ta' niesu u sofra minflokom l-kastig li kien jixraq lilhom.

Alla telqu biex lilna li nafdaw f'Ibnu ma jwarrabniex fl-Infern. Telqu għal mument biex aħna ngawdu 'l Alla għal dejjem ma’ Ibnu - għax wara d-dlam iswed ta’ dak il-jum sebaħ jum ġdid meta Alla qajmu minn bejn l-imwiet.

M’hemmx għalfejn nibqgħu weħidna u mifrudin mill-Ħallieq minħabba d-dnub. Kristu bata fuq is-salib, saħansitra l-firda minn Missieru, biex jikkanċella d-dnub li kien jisseparana minn Alla. Alla l-Missier jilqagħna fi ħdanu jekk immorru għandu permezz ta’ Ibnu.