Missier aħfrilhom

Forsi ssibha iebsa taħfer li min joffendik? Tħossok irrabjat u mweġġgħa? Ersaq fid-dell tas-salib u tgħallem minn Ġesù ...

"Meta waslu fil-post li jgħidlu l-Kalvarju, hemm sallbu lilu u lill-ħatjin, wieħed fil-lemin u l-ieħor fix-xellug. Imbagħad qal Ġesù, "Missier aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu" (Luqa 23:33, 34).

Ma kiser ebda liġi. Ma kien għamlilhom ebda ħsara. Għamlilhom biss il-ġid. Xandrilhom l-evanġelju. Fejjaq il-morda tagħhom. Għallimhom jħobbu lil xulxin u ħabbhom sal-aħħar.

Madankollu huma bagħduh, arrestawh, akkużawh falz, sawtuh, beżqulu f'wiċċu, għajjruh, neżżgħuh u sammruh ma’ salib!

‘Imbagħad,’ x’ġara, x’naqraw fil-Vanġelu? Forsi qalb Ġesù mtliet bl-imrar u l-mibegħda għall-għedewwa tiegħu? Forsi talab lill-Missier biex jeqridhom? Hu fetaħ fommu, imma minflok kelma ta’ saħta, ħarġet kelma ta’ ħniena, ‘Missier aħfrilhom!’

'Imbagħad,' meta nkixfet il-kruha ta’ qalb il-bniedem, meta l-ħlejjaq refgħu idejhom fuq il-Mulej tal-glorja, ‘Imbagħad Ġesù qal, ‘Missier aħfrilhom!’’

Kemm hi kbira r-rebħa tal-imħabba fuq il-mibgħeda! Kemm hi kbira l-vittorja tat-tjieba fuq il-ħażen! L-ewwel kelma ta’ Kristu minn fuq is-salib, ‘Missier aħfrilhom,’ turi l-qalb tajba u ħanina ta' Kristu.

Kif tista' tisma' din il-kelma ta' Ġesù u tibqa' ma taħfirx in-nuqqasijiet ta' għajrek?