Iż-Żewġ Miġjiet ta’ Kristu

Hemm rabta soda bejn l-ewwel u t-tieni avvent ta’ Kristu. Infatti nistgħu nqisu ir-ritorn glorjuż tal-Mulej Ġesù fl-aħħar taż-żmien bħala l-konklużjoni ta’ dak li wettaq fl-ewwel miġja fid-dinja.

Ġesù qal li qamħa tibqa’ weħidha jekk ma taqax fl-art u tmut, iżda jekk tmut tagħmel ħafna frott. Kien għalhekk li l-Iben etern t’Alla sar bniedem u ta ħajtu fuq is-salib. Miet biex jagħmel ħafna frott – il-frott huma l-mifdija kollha. Meta jerġa’ jiġi Kristu jaħsad il-frott ta’ ħidmietu u jiġbor lil niesu fid-Dar tal-Missier.

“Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa' jidher darb'oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa” (Lhud 9:28).

Mela l-ewwel darba Ġesù offra ġismu u demmu b’sagrifiċċju biex jeħles ħafna nies mit-tagħbija u l-ħtija ta’ dnubiethom. Meta jerġa’ jiġi mhux se jneħħi d-dnubiet għax dak kien għamlu qabel. Jiġi biex isalva l-poplu tiegħu mill-kastig fl-infern u sabiex jeħodhom miegħu jgawdu ‘l Alla fil-glorja tas-sema.

Tajjeb nistaqsu kif iż-żewġ miġjiet ta’ Kristu jolqtuna personalment. Jien mifdi bid-demm ta’ Kristu? Se jsalvani dakinhar li jirritorna? Jien ninsab fost dawk li qed “jistennewh bil-ħerqa”? It-tweġiba nsibuha fl-Iskrittura. Il-Kelma t’Alla tidentifika min huma dawk li tassew iħobbuh.

“Nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb” (Titu 2:13, 14).

Il-mifdija jqisu lil Ġesù bħala Alla tagħhom, u għalhekk iqimuh u jadurawh mill-qalb. Iqisuh ukoll bħala s-Salvatur tagħhom, u għalhekk jafdaw is-salvazzjoni ta’ ruħhom f’idejh. Fl-aħħarnett, huma juru l-ħidma ta’ Kristu f’ħajjithom fil-qdusija, is-safa u opri ta’ mħabba bil-kotra.

X’se jfisser għalik dak il-jum kbir tar-ritorn ta’ Kristu? Jalla jkun il-laqgħa ta’ ferħ mas-Salvatur tiegħek.