Wiċċ imb wiċċ ma’ Kristu


Kien hemm żmien meta Sawl ta’ Tarsu kien jittama li jsalva ruħu bil-ħila u l-għemejjel tiegħu. Kien Lhudi devot u fiduċjuż li Alla jqisu ġust u tajjeb għax obda l-liġi. Hu kiteb hekk dwar l-attitudni tiegħu qabel iltaqa' ma' Kristu:

“Jekk hemm xi ħadd li għandu għax iqiegħed it-tama tiegħu fil-ġisem, jiena għandi aktar minnu: ta' tmint ijiem għamluli ċ-ċirkonċiżjoni, twelidt fil-poplu ta' Iżrael, mit-tribù ta' Benjamin, Lhudi mil-Lhud, Fariżew fl-osservanza tal-Liġi; biż-żelu li kelli, ippersegwitajt il-Knisja; għal dik li hi ġustizzja tal-Liġi, ħadd ma sata' jgħid xejn fija” (Filippin 3:4-6).

Aħna li twelidna f’pajjiż Nisrani u f’familja Nisranija nistgħu nitkellmu bħalu. Aħna wkoll trabbejna f’ambjent reliġjuż u konna mgħallmin nobdu l-liġi t’Alla. M’hemmx xi ngħidu: hi ħaġa tajba tobdi 'l Alla, imma kemm nistgħu nserrħu fuq din l-ubbidjenza biex fl-aħħar nett Alla jiġġustifikana (iqisna bħala ġusti) u jdaħħalna l-Ġenna?

Telf u Qligħ

Meta ltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ Kristu, Pawlu kellu għażla kruċjali quddiemu. Fuq naħa seta’ jkompli jafda fl-għemejjel reliġjużi, il-ħeġġa u l-opri tiegħu. Fuq in-naħa l-oħra seta’ jemmen fi Kristu biex Alla jgħoddu ġust. Kompla jgħid hekk fuq l-esperjenza tiegħu:

“Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi” (Filippin 3:7-9).

L-għażla kienet bejn l-għemejjel personali u l-fidi fi Kristu. Kellu jagħżel waħda jew l-oħra, imma mhux it-taħlita tagħhom it-tnejn. Meta ġabar il-merti kollha tiegħu, Pawlu qieshom bħala telf, iva, imqar bħala knis! Warrabhom 'l hemm bħalma wieħed jarmi ż-żibel. Neża’ minn fuqu l-libsa tal-ġustizzja personali biex jitlibbes bil-ġustizzja t’Alla li kienet mogħtija lilu bil-fidi fi Kristu.

Dan ma jfissirx li meta emmen fi Kristu l-appostlu Pawlu tgħażżen jew injora l-liġi t’Alla. Għal kuntrarju, hu aktar tħeġġeġ biex jobdi l-Imgħallem li ħabbu u ta ħajtu għall-fidwa tiegħu. Ifisser biss li Pawlu ma baqax aktar jittama fl-għemejjel u l-ħidma tiegħu għall-ġustifikazzjoni, imma kien jafda biss fi Kristu u s-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib.

L-Għażla Tagħna

Aħna għandna l-istess għażla quddiemna. Ma nistgħux norbtu l-għemejjel tagħna mal-fidi fi Kristu għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Jeħtieġ li l-ewwel nikinsu ’l barra l-opri tagħna. Altrimenti ma nkunux lesti nafdaw ruħna kompletament fi ħdan il-Mulej Ġesù għall-ġustifikazzjoni.

Jekk Alla jislifna l-għomor u ngħixu ħafna snin fis-servizz tiegħu u jkollna l-privileġġ nuru l-gratitudni u l-imħabba tagħna lejh bl-ubbidjenza għall-liġi qaddisa tiegħu, fl-aħħar jum ta’ ħajjitna nħarsu lura u nibqgħu insostnu li aħna ġustifikati bil-fidi u mhux bl-opri tal-liġi! Għax il-ġustifikazzjoni tagħna hi msejsa fuq il-ġustizzja ġejja minn Alla, fuq Ibnu Ġesù Kristu, li miet fuq is-salib biex inaddafna minn kull dnub. Hu jixraqlu l-glorja kollha!