Dnubietek maħfura

X’taħseb li ried ifisser Ġesù meta qal: “Dnubietha, li huma ħafna, huma maħfura għax ħabbet ħafna, iżda lil min jinħafirlu ftit, dan ftit iħobb” (Luqa 7:44-47)? Dan il-kliem qalu fuq il-mara li dilkitlu riġlejh biż-żejt tal-fwieħa. Forsi din il-mara kisbet il-maħfra bil-mertu ta’ għemilha jew mħabbitha kienet l-prova li dnubieta kienu nħafrulha? Fi kliem ieħor, l-imħabba kienet il-kawża jew it-tweġiba għall-grazzja li rċeviet mingħand Kristu?

Jekk naqraw l-istorja kollha m’għandux ikollna wisq diffikultà biex inwieġbu. Ġesù kien qed ikellem lil Xmun il-Fariżew meta kien mistieden għall-ikel għandu. Ġiet din il-mara, magħrufa fil-belt bħala mara midinba, u waqt li niżlet fl-art tibki u tolfoq, xarrbitlu riġlejh bid-dmugħ u mesħitomlu b’xagħarha, bisithomlu u dilkithomlu bil-fwieħa li ġabet magħha. Xmun skandalizza ruħu. Ħaseb li Ġesù ma kienx iħalliha tmissu kieku kien jafha, u għalhekk wasal għall-konklużjoni li Ġesù ma kienx profeta.

Ġesù ried jurih l-iżball tiegħu. Xmun kien qed jara mara midinba; Ġesù kien qed jara mara niedma, b’qalbha tfur bil-gratitudni u l-imħabba lejh għax kien ħafrilha dnubietha. Ġesù jappella lil Xmun iqis l-evidenza quddiemu. ‘Dnubietha, li huma ħafna, huma maħfura, għax ħabbet ħafna.’ Fi kliem ieħor, ‘Xmun trid prova li din mhix il-mara midinba li kienet qabel? Trid prova li hi mara maħfura u mibdula? Ħares lejn l-imħabba estravaganti li qed turi miegħi!’

‘Iżda min jinħafirlu ftit,’ kompla Ġesù, ‘dan ftit iħobb.’ Jidher li dan il-kliem kien aktar intenzjonat għall-imġieba ta’ Xmun, li apparti li stieden lil Ġesù għall-ikel, lanqas wera miegħu l-kortesija ordinarja li kienu ssoltu juru meta tilqa’ ħabib f’darek. La tah żinġla ilma biex jaħsel riġlejh, jew bewsa, jew tikka żejt taż-żebbuġa biex jidlek rasu kif kienet it-tradizzjoni dak iż-żmien. Il-bruda ta’ Xmun kienet turi li ma kienx iqis lilu nnifsu spiritwalment midjun, u wisq anqas kien qed jemmen fi Kristu għall-maħfra ta’ dnubietu.

Lil mara Ġesù assiguraha, ‘Dnubietek maħfura,’ u għal darba oħra, ‘Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.’ Lilna wkoll, jekk nagħrfu dnubietna u nersqu għandu bil-fidi, jnaddafna minn kull dnub u jagħtina s-sliem tiegħu. Issa jekk tassew irċivejna din il-grazzja, qalbna qed tfur bi gratitudni lejh? Ħajjitna tagħti xhieda li aħna nies maħfurin? Inħobbuh mill-qalb?