Għandi l-għatx!

Din il-kelma, "Għandi l-għatx," tagħti xhieda tal-umanità u t-tbatija ta’ Kristu. Tassew, Ġesù hu l-Iben Etern t’Alla, imma daqshekk ieħor hu veru li Ġesù sar ukoll bniedem, u esperjenza l-għatx, it-tbatija u l-uġigħ bħalna.

Kien ilu madwar sitt sigħat espost u mdendel mal-għuda tas-salib. Ma kien xorob xejn. Tilef ħafna demm. Kien wasal fit-tmiem. Qabel għajjat l-aħħar kelma, "Kollox mitmum," u afda ruħu f'idejn il-Missier, Ġesù lissen il-kelmiet, "Għandi l-għatx." Ġabulu ftit ilma mħallat bil-ħall fi sponża u resquhulu lejn xofftejh.

Matul il-ministeru pubbliku, Ġesù kien stqarr li "min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx; l-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta' dejjem" (Ġwanni 4:13). Mhix ironija li issa fuq is-salib hu stess għandu ħalqu u xofftejh xotti? Dak li ħalaq l-ilmijiet issa jittallab għall-ilma!

Hekk kien meħtieġ biex jikseb is-salvazzjoni tagħna!
  • Kellu jitbaxxa fl-umiltà, biex jgħollina miegħu fil-glorja. (Filippin 2:8).
  • Kellu jsir fqir, biex nistgħanew miegħu. (2 Korintin 8:9).
  • Kellu jsir dnub, biex aħna nsiru ġusti fih. (2 Korintin 5:21).
  • Kellu jkun misħut, biex jiksbilna l-barka t’Alla. (Galatin 3:13).
  • Kellu jġarrab id-dlam, biex jurina d-dawl. (Mattew 27:45).
  • Kellu jbati l-għatx, biex jiksbilna l-ilma tal-ħajja ta’ dejjem. (Ġwanni 19:28).
Imma anki f’dan il-mument ta’ tbatija, ifeġġ raġġ ta' dawl sabiħ. Meta Ġesù qal dan il-kliem u ġabulu l-ħall biex jixrob, mingħajr ma kienu jafu, is-suldati Rumani kienu qed iwettqu l-profeziji miktuba fuqu fis-Salmi.  "Ħalqi niexef bħal xaqqufa, lsieni mwaħħal ma' ħnieki" (Salm 22:16); "Sqewni l-ħall meta kont bil-għatx" (Salm 69:22). It-twettiq ta’ dawn il-profeziji, flimkien ma’ diversi oħra, jagħtu xhieda li Ġesù ta’ Nazzaret hu tassew il-Messija mwiegħed minn Alla fl-Iskrittura Mqaddsa.

Il-Mulej Ġesù jistedinna: "Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj" (Ġwanni 7:37, 38). Hu li darba bata l-għatx, illum mis-sema qed issawwab xita ta’ grazzji fuq dawk kollha li jemmnu fih.

Jekk tħoss li ħajtek hi xotta u niexfa, ejja għand Ġesù. Hu jagħtik l-Ispirtu s-Santu biex tagħraf 'l Alla u tissodisfa ruħek bl-imħabba ħelwa tiegħu.