Nitolbok fejjaqni

Bħalma t-tfal jiġru għand l-ġenituri tagħhom għal kull bżonn li jkollhom, hekk ukoll aħna l-Insara nduru lejn Missierna fis-smewwiet fil-mard u l-inkwiet tal-ħajja. Nitolbuh b’kunfidenza sħiħa li jismagħna, waqt li nagħmlu wkoll użu mill-mezzi li pprovdielna (nkellmu tabib, nieħdu l-mediċini, eċċ).

Aħna konvinti li Alla jwieġeb it-tħannin ta’ wliedu skont ir-rieda għarfa u tajba tiegħu, u għall-aħjar ġid tagħna. Aħna nagħtu xhieda li Alla sikwit fejjaqna. Imma mhux dejjem. X’uħud jibqgħu jbatu minn mard kroniku għal ħafna snin. Għal oħrajn il-mard iwassal għall-mewt minkejja li jitolbu bil-qalb u bil-fidi. Din hi l-esperjenza universali tal-poplu t’Alla.

Naħseb li jiżbaljaw dawk li jitfgħu t-tort fuq l-individwu jekk jibqa’ ma jfiqx. Mhux bilfors li ma jgħaddilux minħabba nuqqas ta’ fidi jew għax ma jkunx talab biżżejjed. Mhix dejjem ir-rieda t’Alla li nfiequ.

Il-Mulej għallimna nitolbu, “Ikun dak li trid Int,” u bħal Ġesù nersqu lejn il-Missier b’attitudni ta’ sottomissjoni għar-rieda tiegħu. Nitolbu kif talab hu: "Abbà, Missier, kollox jista' jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int" (Mark 14:36). Jekk jfejjaqna nirringrazzjawh; jekk jogħġbu ma jfejjaqniex, nibqgħu dejjem nafdaw fih.

Kristu kisbilna fidwa sħiħa fuq is-salib – il-fidwa tar-ruħ u tal-ġisem. Dawk li jemmnu fih diġà kisbu l-fidwa ta’ ruħhom, il-maħfra tad-dnubiet; imma l-fidwa tal-ġisem għad trid isseħħ fil-qawmien fl-aħħar jum. Ma wegħdniex saħħa fiżika perfetta f’din l-art, anzi qalilna li wlied Alla jitniehdu sakemm għandhom fit-tinda ta’ dan il-ġisem mortali (2 Korintin 5:1-5), u jerġa’, "aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna" (Rumani 8:23).

Il-Mulej wegħdna l-preżenza ħanina tiegħu matul ħajjitna kollha, sew meta jeħodna f'mergħat iħaddru kif ukoll meta jgħaddina mill-wied ta’ dell il-mewt. Wegħdna wkoll tama li tmur lil hemm mill-qabar. Fil-qawmien jagħtina ġisem glorjuż, ħieles minn kull tbatija u mard, u jeħodna miegħu biex ingawduh għal dejjem.

Matul il-mixja f’din id-dinja, fil-providenza tiegħu l-Mulej jgħaddina minn biżżejjed inkwiet u mard biex ma nħallux qalbna tintrabat ma’ dak li jintemm u biex jgħallimna nerfgħu ħarsitna ’l fuq lejn is-sema. Fit-tbatija l-Ispirtu s-Santu jgħallimna l-umiltà, il-fidi, is-sabar u l-kompassjoni. Fil-mard ukoll, iva anke fil-mewt, wlied Alla huma ċerti li kollox jaħdem għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh!

* * * 
Noffrilek tniżżel kopja ta' dan il-ktejjeb.


Download