Min fejn se ngħaddi?


Il-Mulej Ġesù qalilna x’għandu jkun l-iskop ta’ ħajjitna: "Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi."

Li mmorru għand il-Missier - dan għandu jkun l-għan tagħna. Aħna maħluqin biex nagħrfu ‘l Alla, induqu l-imħabba ħelwa tiegħu u nitgħaxxqu bis-sbuħija tiegħu, issa u dejjem.

Ġesù qalilna wkoll kif nilħqu l-iskop ta’ ħajjitna. "Jiena hu t-Triq." Nistgħu naslu għand il-Missier permezz tiegħu.

Ġesù jinsisti li hu biss it-triq, li ħadd ma jmur għand il-Missier ħlief bih. Dan il-kliem ma jdoqqx f’widnejn is-soċjetà moderna. Ċertu wieħed ħassieb, Ramakrishna Paramahamsa, jesprimi l-idea popolari li bħalma bniedem jista’ jitla’ fuq il-bejt ta’ dar permezz ta’ sellum, taraġ jew ħabel, hekk ukoll hemm diversi toroq li jwasslu għand Alla, u kull reliġjon turi waħda minn dawn il-mezzi.

Ramakrishna forsi jirnexxielu jitla’ fuq il-bejt bil-ħabel. Hemm fuq jiltaqa’ ma’ reliġjużi oħra li jaħsbuha bħalu, iżda m’Alla jiltaqa’? Alla ma jgħammarx fuq il-bejt iżda fl-ogħla smewwiet, fid-dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh. Pont wieħed ilaħħaq id-distanza infinita bejn il-ħlejqa u l-Ħallieq, bejn il-midneb u Alla qaddis. Dan il-pont hu Ġesù Kristu.

Ġesù hu t-triq għax hu l-Iben t’Alla, ix-xbieha t’Alla li ma jidhirx. Fih nagħrfu l-Missier. Ġesù hu t-triq għax hu ta lilu nnifsu fuq is-salib, biex inaddaf il-poplu tiegħu minn dnubiethom u jagħmilhom denji jersqu fid-dawl tal-glorja t’Alla l-Missier.

Mulej, matul ħajti terraqt mitluf ’l hawn u ’l hemm bla ma naf fejn sejjer. Ħsibijieti ma wassluni mkien. Lanqas nista’ niddependi fuq għerf il-bniedem, jew il-filosofiji u r-reliġjonijet umani. Urini lilek innifsek, Mulej, għax int waħdek it-triq li twassal għand il-Missier.

* * *

Niżżel dan il-ktejjeb, Lejn il-Missier, f'format pdf [link]
jew aghtini ismek u l-indirizz (b'sms 79551446 jew b'email josephmizzi@onvol.net)
u nibghatlek kopja b'xejn bil-posta.