X’jifridni minn Alla?

X’iżomm il-bniedem milli jgawdi t-tjieba t’Alla? Għalfejn ħafna jibqgħu 'l bogħod minnu?

L-Iskrittura tweġibna b’kelma waħda: id-dnub! "Ħżunijietkom firdukom minn Alla tagħkom, u dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom" (Isaija 59:2). Id-dnub jifred il-bniedem minn Alla, issa u fl-eternità.

Aħna l-bnedmin għandna obbligu nobdu u nweġġħu lill-Ħallieq tagħna. Wara kollox hu għamilna u qed iżommna ħajjin. Imma fil-fatt sikwit ninjorawh, nonqsuh u nisfidawh. Id-dnub jieħu forma ta’ azzjonijiet ħżiena bħal gideb, qtil, serq u żena. Id-dnub huwa wkoll attitudni fil-qalb bħall-għira, suppervja, kburija, rebgħa u ipokrezija. Hu x’inhu, kull dnub hu offiża kontra Alla, il-ksur tal-liġi tiegħu, u jġib fuqna toqol ta' ħtija u l-korla tiegħu.

Għandna ħabta nċekknu d-dnub u nippretendu li m’aħniex daqshekk ħżiena. Alla jara l-azzjonijiet ħżiena kif ukoll l-attitudni mħassra moħbija f'qalbna. Min joqtol u jagħmel adulterju ħaqqu il-kundanna; imma Ġesù jgħidilna li daqshekk ieħor ħaqqu l-infern min jobgħod lil għajru jew iħares lejn mara b’għajn żienja. Mhux ta’ b’xejn l-Iskrittura tgħid li ħadd, ebda wieħed, ma huwa ġust quddiem Alla!

Ġesù jqiegħed sebgħu dritt fuq il-ferita. Darba minnhom, waqt li kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu fuq it-talb, Ġesù qal: "Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu?" (Mattew 7:11).

Tinnota x’sejħilna? Bla tlaqliq ta' xejn, Ġesù jgħid li aħna ħżiena. Minkejja t-tajjeb li nagħmlu, Ġesù xorta jiddikjara li aħna ħżiena!

Iebsa din il-kelma ta' Kristu biex inniżżluha! Imma nkunu boloh jekk ma neħduhx bis-serjetà. Hu li jaf il-qalb umana jagħtina dijanjosi korretta, għalkemm xejn sabiħa, tal-kondizzjoni ta’ ruħna. Xi wħud ma jduqu qatt mill-ħniena u l-maħfra t’Alla għax qatt ma kienu onesti u umli biżżejjed biex jammettu li huma ħżiena.

X’tagħmel jekk it-tabib jgħidlek li għandek marda serja li twassal għall-mewt? Tgħidlu biex ma jkunx negattiv? Tinjorah? Tgiddbu? Jew, imbeżża' mill-prospett tal-mewt, tistaqsih, ‘Tabib, tista’ tgħinni? Tista tfejjaqni?’

Kristu jwissina bil-qagħda ħażina tagħna għal skop tajjeb. Iwissina li d-dnub fl-aħħar mill-aħħar iwassal għat-telfien ta’ dejjem fl-infern. Ġesù jridna niġu f’sensina u ma nibqgħux mexjin fit-triq il-wiesa’ li twassal għat-telfien. Fuq kollox Ġesù jridna nfittxu lilu. Hu ma ġiex għal min hu b’saħħtu, imma għall-marid; mhux għat-tajbin, imma għall-ħżiena. Meta nersqu lejh, imtaqqlin kif aħna bid-dnub u l-ħtija, u nitolbuh ħniena, Ġesù jfejjaqna u jħabbibna mal-Missier.