Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek


Immaġina x-xena. Koppja żagħżugħa daħlu fit-tempju bl-ewwel tarbija tagħhom biex jiddedikawh ‘l Alla. Jiltaqa’ magħhom raġel xwejjaħ jismu Xmun. Ħa t-tifel f’idejh u talab ‘l Alla. “Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek.”

Fi kliem ieħor: Dak li wegħdtni, xtaqt u stennejt matul ħajti, sa fl-aħħar ksibtu. Ma fadallix x’nagħmel aktar fid-dinja; issa lest biex nitlaq!

Imma, nistaqsu, x’kien wegħdu Alla? Xmun stess iwieġeb, “għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Luqa 2:29-32).

Xmun kien kuntent u sodisfatt għax ra s-salvazzjoni li Alla pprovda għal kulħadd, Lhud u Ġentili. Ma qalx, “għajnejja raw is-Salvatur”, imma, “għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek”. Fit-tarbija Ġesù, Xmun lemaħ u għaraf is-salvazzjoni t’Alla.

Is-salvazzjoni mhix oġġett, xi ħaġa; mhix biss azzjoni li għamel magħna Alla. Is-salvazzjoni t’Alla hi persuna. Is-salvazzjoni t’Alla huwa Ġesù!

Għalina li nemmnu fih, Ġesù mhux biss s-Salvatur; hu l-istess salvazzjoni tagħna. Mhux biss ħabbna  imma sar il-maħbub tagħna għal dejjem. Aktar milli jurina t-triq, Ġesù hu t-Triq; aktar milli jgħallimna l-verità; Ġesù hu l-Verità; aktar milli jagħtina l-ħajja, Ġesù hu l-Ħajja tagħna.

M’hemmx skop u privileġġ ogħla milli għarafna ‘l Ġesù. Minkejja l-inċertezzi u l-inkwiet tal-ħajja, xorta waħda nagħmlu kuraġġ u nħarsu 'l quddiem b’fiduċja. “Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibża'?” (Salm 27:1). Fuq kollox, meta jagħlqilna ċ-ċens fuq din l-art, imbagħad nħarsu ‘l fuq u nitolbu, “Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.”