It-Teżor tal-Knisja


Ħames mitt sena ilu l-patri Agostinjan, Martin Luteru, waħħal dokument magħruf bħala l-95 Teżi, mal-bieb tal-knisja ta’ Wittenberg, il-Ġermanja. Kienet stedina għal diskussjoni dwar it-tagħlim u l-prattika tal-knisja, speċjalment dwar l-indulġenzi.

F’dak iż-żmien patri ieħor, Johann Tetzel, kien qed idur f’dawk l-inħawi jiprietka fuq l-indulgenzi. Kien qed jistieden in-nies jiksbu ittri ta’ indulġenzi biex tinħafrilhom il-piena ta’ dnubiethom, u b’hekk jiffrankaw it-torment tal-purgatorju. Il-knisja kapaċi tagħti dawn l-indulġenzi, qalilhom, għax għandha l-awtorità tapplika t-teżor tal-merti ta’ Kristu u l-qaddisin.

Luteru kien inkwetat dwar dan kollu. Kiteb il-95 Teżi biex isejjaħ il-knisja lura lejn it-tagħlim tal-Iskrittura. Waħda mit-teżijiet kienet tgħid hekk: "It-teżor veru tal-knisja hu l-Evanġelju Mqaddes tal-glorja u l-grazzja t’Alla."

X’għandha l-knisja ta’ valur uniku? Mhux ir-rikkezzi materjali – il-katedrali u knejjes kbar, bl-opri tal-arti u dehbijiet. Dawn kollha jintemmu maż-żmien.

It-teżor tal-knisja huwa l-evanġelju. Għax bil-kelma tal-evanġelju l-Ispirtu t’Alla jagħti l-ħajja u d-don tal-fidi, li bija l-midneb jaqbad ma’ Kristu għas-salvazzjoni ta’ ruħu. Bl-evanġelju l-mitluf jinstab, il-ħati jinħafer, id-dlam jiddawwal, il-biża jinbidel f’ferħ, u d-disprament jinbidel fit-tama tal-ħajja ta’ dejjem.

Il-knisja messha tgħożż id-depożitu imprezzabbli tal-fidi afdat lilha minn Alla. Għandha dmir sagrosant tiddefendih sal-mewt minn kull tibdil u tbagħbis; b’fedeltà u impenn obbligata xxandru mad-dinja kollha. Il-knisja tgħix bl-evanġelju. Jekk titilfu, il-knisja tkun tilfet kollox!

Dak li jgħodd għall-knisja jgħodd ukoll għall kull wieħed u waħda minna. Staqsi lilek nnifsek: X’inhu t-teżor li qalbi tixxennaq għalih? Għaraft l-evanġelju kif mgħallem fl-Iskrittura Mqaddsa? Smajtha s-sejħa ta’ Kristu? Dort lejh b’indiema? Qed nafda fih biss s-salvazzjoni ta’ ruħi? Qiegħed nimxi warajh f’ubbidjenza?

Dawn huma l-mistoqsijiet li jeħtieġ nwieġbu quddiem Alla. Min jinjora l-evanġelju hu fqir u fallut, anki jekk jippossedi d-dinja kollha. Wara mewt ma jieħu xejn miegħu għajr tagħbija ta’ dnubiet għat-telfien ta’ dejjem. Mill-banda l-oħra, huwa tassew sinjur fil-grazza minn jisma’ l-messaġġ tal-evanġelju u bil-fidi jħaddan lil Kristu.

Ħabib, inti x’għamilt bl-evanġelju ta’ Kristu? L-evanġelju huwa t-teżor veru tiegħek?