Leah: Eroj tal-Fidi


Fi Frar li għadda aktar minn mitt tifla ġew maħtufa mill-iskola fil-belt ta’ Dapchi, in-Niġerja, minn grupp ta’ ġellieda islamisti, il-Boko Haram.

Waħda mit-tfajliet jisimha Leah Sharibu. Għanaha 15-il sena, tħobb il-bioloġija u tixtieq issir tabib.

Fil-21 ta’ Marzu, wara ħafna negozjati, it-tfajliet inħelsu. It-tfajliet reġgħu ingħaqdu mal-ġenituri u qrabathom b’ferħ kbir. Rebecca, omma Leah, fittxitha kullimkien. Leah ma kienitx magħhom.

It-tfajliet l-oħra qaluha x’ġara. Leah ma nħelsitx għax il-militanti rieduha tikkoverti għall-Iżlam. Hi ma rieditx. Sħabha, li huma kollha Musulmani, talbuha biex tagħmel tabirruħa li bidlet ir-reliġjon. Leah ma kienitx lesta tiċħad il-fidi tagħha fi Kristu, lanqas għal mument wieħed, biex tikseb il-ħelsien.

Nammira lil din it-tfalja għall-kuraġġ u l-leatà tagħha lejn Kristu. Nitlob għaliha biex tinħeles u terġa’ lura d-dar. Fuq kollox Leah turina il-valur infinit ta’ Kristu. Hu prezzjuż aktar minn kollox. Leah hi lesta titlef ħajjitha imma mhix lesta li titlaq lilu. Ċertament hu li miet għaliha mhu se jitlaqha qatt.

Ħabib, huwa Kristu hekk għażiż għalik?

Update (Frar 2019)

Għaddiet sena, u Leah għadha ma nħelsitx. Għada tbati minħabba l-istaqarrija tal-fidi tagħha fis-Sid Ġesù. Nibqgħu nitolbu għaliha. "Ftakru f’dawk li huma l-ħabs, qiskom marbutin magħhom; u f’dawk li huma maħqurin, qiskom intom stess magħhom fil-ġisem" (Lhud 13:3).