Xbihat ta’ Kristu
Xi ngħidu dwar ix-xbihat ta’ Kristu – l-istatwi u l-pitturi – li naraw fil-knejjes? Apparti l-valur artistiku tagħhom, ejja ngħidulha kif inhi: dawn huma biss frott l-immaġinazzjoni tal-artisti u l-iskulturi, u mhumiex xbihat vera tal-Mulej.
X’tgħallem l-Iskrittura dwar hekk? Aħna nemmnu li l-Iben etern t’Alla sar bniedem. In-nies ta’ żmienu rawh, messewh u tkellmu miegħu. Aħna m’għandniex dan il-privileġġ.
L-Iskrittura tagħtina ħjiel dwar id-dehra tal-Messija: “Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih” (Isaija 53:2). Il-glorja ta’ Kristu ma kinitx fid-dehra fiżika tiegħu. Mhux biss, waqt il-passjoni, in-nies indehxu minnu għax wiċċu kien hemm imħassar li lanqas kien donnu ta’ bniedem (Isaija 52:14). Ġesù għadda minn din il-ħruxija biex jikseb il-fidwa tal-knisja tiegħu.
Mhux ta’ b’xejn li l-knisja tgħożż il-Maħbub tagħha, u tgħix bit-tama tad-dehra tiegħu. Imma għalissa jeħtieġ tistenna. L-Appostlu Pietru kiteb 'l-Insara: “Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m'intomx tarawh, intom temmnu fih, intom tifirħu b'ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser” (1 Pietru 1:8). L-Insara jifirħu fi Kristu issa, u jifirħu wisq aktar meta jiltaqgħu miegħu wiċċ imb wiċċ miegħu. Sadanittant “aħna nimxu bil-fidi, mhux bil-viżjoni” (2 Korintin 5:7).
Imma xi ħadd joġġezzjona: “Ngħid għalija jien ma nara xejn ħażin fix-xbihat ta’ Ġesù. Jien inħoss li jgħallmuni u jgħinuni biex nagħtih qima.”
Aħseb sew, ħabib, x’inti tgħid. Kif ma ssib xejn ħażin fi xbieha falza ta’ Kristu? Tista' mara żżomm ritratt ta' raġel ieħor u tgħożżu bħallikieku żewġha? Hekk ukoll inti, kif tista' tħares lejn pittura ta' raġel immaġinarju u tqisu bħallikieku Sidek? Kif tista’ tagħti qima vera permezz ta’ xbieha falza? Għaliex twarrab il-Kelma t’Alla meta qalilna li “issa m’intomx tarawh”? Għaliex tinsisti li trid tarah issa, anke jekk b’immaġini falza tiegħu?
Minn qalbi nappella lil dawk kollha li għandhom xewqa lejn Kristu: ejjew b’indiema nwarrbu l-frugħat tal-istatwi u l-pitturi, u nduru lejn l-Kelma t’Alla biex nagħrfuh kif tassew hu. Ejja ta’ kuljum naqraw l-Iskrittura Mqaddsa għax hi tagħti xhieda tiegħu. Permezz tal-Iskrittura, l-Ispirtu s-Santu jurina l-glorja ta’ Kristu u b’hekk nikbru fil-grazzja u l-għarfien tiegħu, filwaqt li nistennew id-dehra glorjuża tiegħu. Dakinhar il-ferħ tagħna jkun sħiħ.