Napuljun jitkellem maż-żiemel



Djalogu bejn l-Imperatur Napuljun Bonaparti u ż-żiemel tiegħu Marengo

Miktub minn ibni John meta kellu 11-il sena

N (Napuljun): Bonjour, Marengo.
M (Marengo): Bongu, Imperatur Napuljun Bonaparti.
N: Nispera li rqadt sewwa għax illum se nattakkaw ir-Renju ta’ Napli.
M: Jien kieku irqadt sewwa ħafna, imma ma tantx għandi aptit niġġieled dalgħodu.
N: Int tagħmel kif ngħdlek jien u daqshekk.
M: Daqs kemm għandek Imperu kbir!
N: Veru, l-imperu kbir ħafna, u wara din il-battalja se jkolli imperu akbar!
M: Jaħasra Sidi, aħseb ftit kemm se jmutu nies, u kemm tfal se jispiċċaw mingħajr missier.
N: Ma naħseb xejn. Jien kemm se jkolli imperu kbir biss naħseb.
M: Iva, se jkollok imperu akbar, imma biex dan iseħħ se jmutu ħafna nies.
N: Ħaqqhom għax huma jridu jiġġieldu kontra l-Kbir Napuljun. Lili ħadd ma jirbaħli.
M: (minn taħt l-ilsien): U mhux hekk tgħid!
N: Ejja, daqshekk paroli, tlaqna nattakkaw.
M: Kif tgħidli, Sidi.

Ġimgħa wara ...

N: Qed tara Marengo, irbaħtilhom.
M: Prosit. Issa kuntent b’dak li għandek?
N: Le. Issa rrid nirbaħ ir-Russja!
M: (minn taħt l-ilsien): Brrrr ... idea stupida!

* * * 

Żewġ Kummenti

1. Napuljun mhux waħdu f'din il-bluha. Ir-rgħiba - dik il-kilba għal aktar u aktar li ma tissodisfa ruħha b'xejn - hi miżrugħa f'qalb il-bniedem. Kemm hawn fostna li jaħdmu bla hedu u jistinkaw biex jiksbu aktar flus - avolja għandhom biżżejjed; avolja jfottu fit-taxxi u n-negożju; avolja jgħaffġu fuq ħaddieħor; avolja qajla jgawdu l-familja tagħhom?

2. Bil-flus tista' tixtri ħafna ħwejjeġ imma ma tixtrix l-ferħ fil-qalb, u wisq anqas il-ħajja. Trid jew ma tridx ikollok titlaq kollox warajk. "Xi jkun jiswielu l-bniedem," wissiena l-Imgħallem, "jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu" (Mt 16:26)? Kemm hu isbaħ tgħix b'fiduċja f'Alla, tgawdi l-ħobża ta' kuljum li jipprovdilek, tkun ġeneruż ma' ħaddierħor, u wara tmur tgawdi l-ħajja eterna mixtrija bid-demm ta' Ibnu.

L-Iskrittura dwar l-Flus

It-tjieba fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b'dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x'nieklu u x'nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. Imma dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f'ħafna xewqat bla sens u ta' ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta' kull ħażen; kien ħtija ta' din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b'niket kbir...

Lil dawk li huma għonja bil-ġid ta' din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f'għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f'Alla li jagħtina kollox bix-xaba' biex ingawdu bih; għidilhom jagħmlu l-ġid, jistagħnu b'opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu ma' l-oħrajn. Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera. (1 Tim 6:6ff).

* * *

Nistiednek ukoll tisma' dan il-messaġġ - Il-Kristjan u l-Prosperità fuq YouTube.


Popular posts from this blog

Mewta tajba

Grazzi!

L-Indulġenzi