Jien favur il-Ħajja


Jien nemmen li t-tarbija fil-ġuf jistħoqqilha rispett, protezzjoni u mħabba, u mhux is-sikkina tal-abort, għal tlett raġunijiet ...

1. Bħala tabib mediku naf li tarbija fil-ġuf hi ħajja umana

Ix-xjenza tgħallimna li l-ħajja umana, mnissla mill-omm u l-missier, u distinta minnhom, tibda mal-konċepiment. Meta b’ultrasound nittawlu fil-ġuf, anki ftit ġimgħat wara l-konċepiment, naraw ir-ras, il-ġisem, id-dirgħajn u r-riġlejn jiċċaqilqu, naraw il-moħħ u l-qalb tħabbat. Din hi tarbija, bid-DNA, blood group, u fingerprints tagħha. Ejja nkunu ċari: meta nitkellmu dwar l-abort, qed nitkellmu dwar il-qtil ta’ ħajja umana, il-qtil ta’ tarbija! Kull tabib hu msejjaħ biex ijħares il-ħajja, mhux joqtolha. Għalhekk jien kontra l-abort.

2. Bħala bniedem jien għandi sens ta’ ġustizzja

Jien għandi dritt għal ħajja, l-istess inti, u kull bniedem ieħor, inkluż t-tarbija fil-ġuf. Jien ma rridx min jagħmilli ħsara jew joqtolni intortament, u allura jien m'għandhiex nagħmel ħsara lil ħadd. Kif nixtieq li ħaddieħor jirrispetta d-drittijiet tiegħi, jien għandi obbligu nirrispetta d-drittijiet ta’ ħaddieħor. Il-ġustizzja tiddomana minni li nħares l-ħajja ta' kull bniedem, anki tat-tarbija qabel u wara t-twelid. Għalhekk jien kontra l-abort.

3. Bħala Kristjan jien nagħraf il-valur tal-ħajja umana

Jien nemmen li kull bniedem għandu dinjità u valur għax hu maħluq fis-sura t’Alla. L-imħabba u l-qima lejn il-Ħallieq u s-Sid tiegħi nuriha billi nħobb u nirrispetta lill-bnedmin, kbar jew żgħar, li hu ħalaq fix-xbieha tiegħu. Kif nista’ nħares lejn it-tarbija qabel it-twelid bħala oġġett li nista’ nqattgħu biċċiet u narmih fl-iskart? It-tarbija fil-ġuf, għalkemm ċkejkna, jistħoqqilha kull imħabba. Għalhekk jien kontra l-abort.

L-għażla quddiemna

Din hi l-għażla li għandna quddiemna bħala pajjiż: l-għażla bejn l-imħabba jew l-vjolenza; bejn il-ħajja jew l-mewt. Jien nixtieq ngħix f’soċjeta ġusta u ħanina ma kulħadd, speċjalment ma min hu żgħir u dgħajjef ... għalhekk ngħid le għall-abort u iva għall-ħajja!