Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi


Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi, kienu jgħidu missirijietna. Din is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mark turina kif Alla kapaċi jħarbat il-pjanijiet ta’ nies ħżiena u jdawwarhom għall-glorja tiegħu.

'Wara jumejn kienet il-festa tal-għid u tal-ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-iskribi bdew ifittxu kif jaqbduh bil-qerq u joqtluh. Imma qalu, “Mhux nhar ta’ festa, li ma jkunx hemm xi rewwixta tal-poplu”' (Mark 14:1-2).

L-għedewwa ta’ Ġesù kellhom il-ħsieb li jonsbuh u jeħilsu minnu baxx baxx. Għalhekk iddeċidew li jħallu l-festi jgħaddu, u mbagħad iwettqu l-pjan malizzjuż tagħhom wara li l-pelleġġrini jkunu rritornaw lejn darhom.

Imma fil-providenza tiegħu, Alla qalbilhom kollox. It-tradiment ta’ Ġesù seħħ qabel ma’ ħasbu l-qassisin il-kbar. Il-mewt ta’ Sidna seħħet f’dak il-jum meta Ġerusalemm kienet iffollata bin-nies, u l-festa tal-Għid kienet fl-aqwa tagħha. Għax Alla ried li is-simboliżmu tal-ħaruf tal-Għid iseħħ fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu, il-Ħaruf t’Alla, għall-fidwa tagħna.

Huma ħasbu li se jġibu fix-xejn l-influwenza ta’ Ġesù; fil-fatt, bla ma kienu jafu, huma kienu qed jgħinu biex iwaqqaf is-Saltna tiegħu.

Huma ħasbu li se jsikktuh, imma minflok, huma għenu biex jinkiteb il-kapitlu kruċjali tal-evanġelju, il-mewt redentiva tal-Messija, li għada tixxandar sal-lum.

Dan kollu jagħtina faraġ kbir. Ngħixu f’dinja ta’ taqlib politiku u xi ftit jew wisq ninkwetaw meta naraw tant oppożizzjoni kontra t-tagħlim u l-valuri Nsara. Imma ħalli qalbna tikkalma u tistrieħ meta niftakru li Alla huwa l-awtur tal-istorja umana. Hu juża saħansitra l-ħażen tal-għedewwa tiegħu, irazznu fejn hemm bżonn, sabiex jintlaħaq l-għan tajjeb, għall-glorja t’Alla u għall-fidwa tal-poplu tiegħu.