Ġustizzja u Ħniena


Ixxokkjat ruħi, kif naħseb li ħafna oħrajn ġralhom bħali, meta smajt bl-aħbar li membri tal-korp tal-pulizija ġew arrestati minħabba allegat frodi. Is-serq u l-abbuż huma dejjem ħżiena, imma ħażen bħal dan huwa agħar meta jitwettaq minn uffiċċjali li suppost jiġġieldu kontra l-kriminalità.

Mhux qed nitkaża b’dawn l-irġiel. Għal kuntrarju, jiddispjaċini għalihom għax dawn huma ħaddiema li għandhom familja x’jieħdu ħsieb. Sabiex idaħħlu ftit aktar flus, tilfu unurhom, jekk mhux ukoll l-impjieġ, u ġabu għajb u skoss inkwiet fuqhom infushom u l-familjari tagħhom.

Il-ġustizzja jeħtieġ issir, u hekk għandu jkun. Imma allaħares nieqfu biss fuq il-ġustizzja. Minn minna jista’ jgħid li dejjem u f’kollox mexa b’subgħajh dritt? L-Imgħallem jisfidana, “Min fostkom hu bla dnub jitfa’ hu l-ewwel ġebla.” Wieħed, wieħed ikollna indabbru rasna ‘l hemm, għax jekk nikkundannaw lil għajrna, nikkundannaw lilna nfusna.

Ikun jaqblilna ferm aktar li nagħtu ħarsa lejn id-dgħufija u l-bluha tagħna. Fil-kuxjenza nafu eżatt x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-liġi t’Alla hi miktuba f’qalbna. Madankollu sikwit nagħżlu il-ħażin jekk naħsbu li jkun ta’ vantaġġ għalina, jew jagħtina gost, u jekk naħsbu li mhux se ninqabdu.

Infatti ħafna nies jgħaffġu u jfottu, u jibqgħu ma jinqabdux, u anke jgawdu l-ġid li jakkwistaw. Imma l-prezz hu ogħli wisq. Fil-proċess ibiegħu ruħhom għax fl-aħħar mill-aħħar wieħed jaħsad dak li jiżra’. Kultant il-konsegwenzi tibda tbatihom f’din id-dinja, imma fiż-żgur ħadd mhu se jgħaddi biż-żmien lil Alla u jaħrab mill-ġustizzja tiegħu.

Ħabib, kull wieħed minna jeħtieġ l-maħfra. Allaħares il-Mulej jagħtina dak li ħaqqna għax kieku ħadd minna ma jeħlisha ħafif. Imma jekk iddur lejh b’qalb sobgħiena, Alla jħenn għalik. Jaħfirlek fis-sħiħ għax Ibnu Ġesù bata u miet fuq is-salib bi tpattija għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. Jeħtieġlek biss tagħti daharek għall-ħażen u bl-akbar onestà titolbu, “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”

Popular posts from this blog

Mewta tajba

L-aħħar 24 siegħa ta' ħajti

L-Indulġenzi