L-appostlu li ġie pajjiżna

L-antenati tagħna kellhom il-grazzja jisimgħu l-evanġelju minn fomm l-appostlu Pawlu. Aħna wkoll, elfejn sena wara, nistgħu ‘nisimgħuh’ mill-epistoli tiegħu fit-Testment il-Ġdid. Anzi, biex inkunu aktar personali, x'ikun il-messaġġ tal-Appostlu Pawlu għalik?
1. Jekk temmen li kulħadd jista’ jsalva hi x’inhi r-reliġjon li jħaddan ...
Pawlu jwissik li mingħajr Ġesù Kristu m’hemmx tama ta’ salvazzjoni. Ġesù huwa l-uniku medjatur bejn Alla u l-bniedem. Għalhekk, bħalma għamel fi żmienu, l-appostlu Pawlu jsejjaħ lil kulħadd, hi x'inhi r-reliġjon tiegħu, biex idur mill-frugħat u jemmen fil-Mulej Ġesù.
2. Jekk taħseb li se ssalva għax inti bniedem ġust u li tista’ tpatti għal dnubietek b’xi penitenzi jew għaliex tagħmel ħafna għemejjel tajba ...
Pawlu jgħidlek li ħadd mhu ġust, le, lanqas inti. Is-salvazzjoni hi grazzja mogħtija b’xejn, mhux bi ħlas għal għemilek. L-unika tpattija għad-dnub huwa d-demm ta’ Kristu. Għal darb' oħra, Pawlu jsejjaħlek biex tafda s-salvazzjoni ta' ruħek fi Kristu.
3. Jekk tgħid li temmen fi Kristu imma ħajtek hi ddominata mid-dnub, bħaż-żena, serq, gideb, sakra, u kilba għal flus ...
Pawlu jwissik li qed tqarraq bik innifsek u li bl-ebda mod m'inti se tidħol fis-Saltna t’Alla. Dawk li verament jemmnu fi Kristu jwarrbu mill-ħażen u jgħixu ħajja qaddisa.
4. Jekk taħseb li għax inti dixxiplu ta’ Kristu tippretendi li ħajtek tkun ward u żahar ...
Pawlu jfakkrek li b’ħafna taħbit jeħtieġ tidħol fis-saltna t'Alla. Hu nnifsu jagħti xhieda ta' kemm bata għall-isem ta' Kristu. F'din il-ħajja ikollok it-tbatija għal ftit żmien, il-glorja tiġi wara u ma tintemm qatt.